It-Tnejn f’nofsinhar fl-Università ta’ Malta ngħatat tislima lil Bernice Cassar, l-omm ta’ żewġt itfal ċkejknin li nqatlet kiesaħ u biered nhar it-Tlieta filgħodu f’Raħal Ġdid.
Fil-preżenza tal-qraba ta’ Bernice, u ta’ bosta letturi u studenti, ġie organizzat programm b’messaġġ wieħed: kontra l-vjolenza domestika.
Fost dawk li tkellmu, kien hemm il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, il-Pro-Rettur tal-Università, il-Professur Carmen Sammut; studenti li qraw poeżiji; u l-kantanta Ira Losco.
Ġiet osservata wkoll minuta silenzju b’rispett lejn il-memorja għal Bernice Cassar.
Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, il-memorja ta’ Bernice Cassar tfakkret ukoll fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid, ftit passi ’l bogħod minn fejn seħħet it-traġedja. Prezenti kien hemm ukoll il-qraba tal-vittma.