Bernice Cassar, mara ta’ erbgħin sena u omm ta’ żewġt itfal ċkejknin, inqatlet kiesaħ u biered b’mill-inqas tliet tiri ta’ senter waqt li kienet qiegħda fil-karozza tagħha fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, Raħal Ġdid.
L-awtoritajiet qed iqisu dan il-każ bħala s-seba’ omiċidju u t-tielet femiċidju ta’ din is-sena.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tmienja tat-Tlieta filgħodu, meta għall-ewwel insetmgħu tiri ta’ arma tan-nar wara l-binja tal-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġika, l-MCAST, f’Raħal Ġdid.
Fuq il-post immedjatament waslu l-Pulizija u ambulanza b’tim mediku sabiex jassistu, iżda sfortunatament il-mara nstabet bla ħajja fuq wara tal-karozza li kienet qed issuq. Fil-fatt, il-katavru tal-mara deher mgħotti b’liżar abjad imċappas bid-demm biswit il-karozza bajda tal-għamla Nissan Qashqai.
Kif jixhdu l-filmati ta’ ONE News, fuq ix-xena tad-delitt kien hemm evidenti wkoll skrataċ ta’ senter, ħġieġ imkisser, u demm.
Ftit wara li nqatlet Bernice Cassar, fuq il-post waslu wkoll qraba tagħha li lkoll dehru emozzjonati bix-xena xokkanti li raw quddiemhom.
Din il-kamra tal-aħbarijiet tinsab infurmata li l-allegat qattiel kien qed isegwi lill-mara mill-karozza tiegħu, u wara li allegatament sparalha u qatilha, ħarab minn fuq il-post.
Kien hawn li l-Pulizija bdiet bi tfittxija għar-raġel.
Minnufih skattat operazzjoni delikata fil-Qrendi, hekk kif l-allegat qattiel mar f’daru.
Fuq il-post tal-omiċidju kien hemm ukoll numru ta’ uffiċjali forensiċi kif ukoll il-Maġistrat Noel Bartolo li qed imexxi l-inkjesta.
Ara wkoll: