Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mal-għaqda Repubblika, li jifforma parti minnha, qed jappoġġjaw kawża biex jinġiebu f’Malta ħamsin immigrant li hemm fil-Libja u biex jiġi kkundannat il-Gvern Malti u l-Forzi Armati ta’ pajjiżna.
Sostna dan il-Partit Laburista wara li l-għaqda Repubblika fetħet kawża kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Jeffrey Curmi biex jinġiebu f’pajjiżna ħamsin immigrant li f’April li għadda ma tħallewx jidħlu f’pajjiżna minħabba l-imxija tal-Covid-19.
Fir-rikors ippreżentat mil-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, l-Avukat Pawlu Borg Olivier, ġie ddikjarat li Malta kisret id-dritt tal-ħajja tal-immigranti.
F’April illi għadda, Pawlu Borg Olivier, flimkien mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, preżentaw kwerela kontra s-suldati tal-Forzi Armati, ol-Prim Ministru u l-Brigadier.
Is-suldati tal-armata spiċċaw taħt investigazzjoni u ġew akkużati bi qtil tal-immigranti. Akkuża li kienet iġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs. L-inkjesta Maġisterjali kienet ikkonkludiet li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari.
Dan filwaqt li s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 ma wettqu ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti. L-inkjesta Maġisterjali ġabet fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ qtil volontarju ta’ immigranti. L-inkjesta kienet ġiet ippubblikata fl-intier tagħha.
Il-Partit Laburista sostna li l-kawża kostituzzjonali li nfetħet kontra l-Gvern Malti, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern u l-Brigadier hija tentattiv ieħor ta’ attakk fuq l-interess ta’ Malta u l-poplu ta’ pajjiżna.
Il-Partit Laburista tenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni, li huwa kelliem ewlieni f’attivitajiet tal-istess Repubblika, qed juri li hu kkontrollat minn Jason Azzopardi u dawk li għamluh Kap tal-Partit Nazzjonalista, minflok ma jkun fuq in-naħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ddefenda l-għaqda Repubblika u ma ċaħadx li qed jappoġġja din il-kawża kontra l-interess ta’ Malta.