Bernard Grech kien skorrett għalkollox dwar is-servizz tal-IVF f’pajjiżna, hekk kif f’intervista fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, f’attentat li jirbaħ xi punti politiċi, spiċċa żelaq fin-niexef u qal li dan it-trattament mhux qed jingħata b’xejn.
Grech qal, “Naf ukoll li kien hemm il-wegħda li l-IVF f’Malta ikun servizz li jingħata b’xejn. Sfortunatament l-unika ħaġa li qed tingħata b’xejn hija l-għajnuna medika, il-konsulenza. Hija ċara li sfortunatament f’pajjiżna mhux vera li dan it-trattament qed jingħata b’xejn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-protezzjoni tal-embrijuni, Simone Attard spjegat kif f’pajjiżna, koppja li trid tagħmel IVF tħallas biss għall-mediċina, u t-trattament kollu fil-fażijiet differenti tiegħu jingħata b’xejn. Dan jammonta għal spiża ta’ bejn 10 u 13-il elf ewro għal kull proċess, li tinġarr kollha kemm hi mill-istat.
Attard stqarret: “Meta qed nitkellmu s-servizzi l-oħra li huma mogħtija b’xejn huma varji. Jibdew mix-xogħol kollu tal-patoloġija, l-ittestjar, il-bloodwork kollu, fejn jidħol bloods ġenetika, għandek is-servizzi tal-geneticists u neurologists, it-tobba kollha u n-nurses, għandek ukoll l-ultrasounds u l-follicle tracking, id-diversi wkoll testijiet li nagħmlu tul il-proċess kollu, għandna wkoll is-servizz kollu tal-embrijoloġija li huwa b’xejn u ukoll is-servizz li jiġi wara.”
Fl-intervista Bernard Grech kompla jisħaq kif is-servizz mhuwiex bla ħlas u saħansitra jrid jara li tibda tingħata wkoll għajnuna psikoloġika.
Huwa tenna: “Żgur li hemm bżonn din l-għajnuna li dan is-servizz ikun verament bla ħlas u li anke jkun hemm għajnuna fit-traġitt kollu, għajnuna psikoloġika.”
Iżda, Simone Attard spjegat kif dan is-servizz ta’ diġà qed jingħata u huwa wkoll bla ħlas. Il-miżinformazzjoni ta’ Bernard Grech kompliet toħroġ fid-deher hekk kif Attard spjegat kif huwa obbligatorju bil-liġi li dan is-servizz jingħata lil kull koppja.
Hija fissret: “Il-councelling huwa wkoll servizz li jingħata b’xejn, huwa obbligu bil-liġi li jingħata u l-awtorità tenfasizza u aħna jkollna wkoll rendikont tas-‘sessions’ li jsiru b’xejn.”