Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sabha bi tqila jserraħ moħħ il-ħaddiema tal-Partit tiegħu stess li għandhom il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsin.
Dan fid-dawl li qed titħejja kawża legali minn numru ta’ eks ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar ħin skoprew li kellhom il-bolol tal-kontribuzzjonijiet soċjali mhux imħallsin għal diversi snin, minkejja li dan hu obbligu legali fuq min iħaddem.
Meta kien mistoqsi minn ġurnalist ta’ dan l-istazzjon dwar din il-materja, Grech kien skomdu jagħti tweġiba definittiva.
“Diġà tkellem il-Partit u allura m’għandi xejn aktar xi nżid.”
Bernard Grech, Kap tal-PN
Minkejja din id-dikjarazzjoni ta’ Grech, fl-aħħar jiem, kelliem għall-Partit Nazzjonalista ammeta li hemm din il-problema mas-sit Lovin’ Malta, tant li ntqal li tali diffikultajiet huma fatt magħrufa.
F’tentattiv biex idawwar id-diskors, il-Kap Nazzjonalista qalilna hekk …
“Kull min f’dan il-Partit anke saħansitra wasal biex ħa l-pensjoni ma kellu ebda problemi.”
Bernard Grech, Kap tal-PN
Sadanittant, l-aħħar kontijiet annwali li ppubblika l-Partit Nazzjonalista mal-Kummissjoni Elettorali, jiġifieri dawk għall-2020, juru kif kienu nġabru eluf ta’ ewro f’bolol f’isem il-ħaddiema biex jgħaddu għand id-Dipartiment tat-Taxxa.
Fl-2022, wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, kien il-Kap Nazzjonalista nnifsu li kkonferma l-qagħda finanzjarja mwegħra tal-Partit, hekk kif dakinhar kien stqarr li kellu tnejn u tletin miljun ewro f’dejn.
“Għandna 32 miljun ewro dejn, dik hi r-realtà li għandna quddiemna.”
Bernard Grech, Kap tal-PN