Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħarab milli jwieġeb jekk il-Partit Nazzjonalista hux se jippubblika d-dokument ta’ qabel il-baġit, jew kif inhu magħruf aħjar bħala pre-budget document.
Dan meta baqa’ biss inqas minn tliet ġimgħat biex il-baġit jiġi ppreżentat mill-Gvern fit-28 t’Ottubru li ġej.
Iżda Grech deher skomdu għall-aħħar meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News u qal kif, is-sena l-oħra, ħa deċiżjoni.
Ta’ min ifakkar kif is-sena l-oħra deputati tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Julie Zahra, kienu kkonfermaw li ma ħarġu l-ebda dokument. Iżda fi sfond ta’ taħwid kbir, il-Partit ta’ Grech kien spiċċa ħareġ is-suppost viżjoni ekonomika tiegħu f’forma ta’ erba’ slides f’powerpoint presentation.
Is-sena ta’ qabel, imbagħad, il-pre budget li kien kitibulu d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, spiċċa ġie żżuffjetat mill-midja li ddeskrivietu bħala ‘mess’.
Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta KullĦadd irrapportat li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech jinsab urtat li xi ħadd, suppost fiċ-ċirku tiegħu, spiċċa żvela l-Pre-Budget Document nofs kedda li beda jħejji.
Is-sorsi tal-gazzetta mid-Dar Ċentrali żvelaw li Bernard Grech ma jridx jippreżenta pre-budget document u mistenni jressaq xi forma oħra, biex ma jidhirx li l-midja żvelatlu dokument li kien se jippreżenta b’tant pompa.
Il-Kap spiċċa ħassar ukoll attività relatata tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista wara li d-dokument ġie żvelat fil-midja.