Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma weġibx għal domanda li saritlu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea, filwaqt li deher skomdu għall-aħħar.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li kienet indirizzata mill-Kap innifsu.
Proprju jumejn qabel, l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li l-Kap Nazzjonalista kien qed jieħu rikba b’xejn minn fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili li fiha ġew annullati i-kuntratti marbuta mal-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet u ordnat biex dawn l-isptarijiet jiġu ritornati lill-Gvern mill-Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare.
ONE News staqsa dwar dan, bil-Kap Nazzjonalista jinjora kompletament il-mistoqsija tal-ġurnalist u jlebbet lejn l-uffiċċju tiegħu.
Ġurnalist: Dr Grech, bqajt ma weġibtnix. Ħadt rikba b’xejn minn fuq il-każ tal-Vitals skond kif qallek Mario Galea? Iva jew le?
Għaliex qed tiddejjaq twieġeb, Dr Grech?
Qed tieħu rikba b’xejn, iva jew le?
Il-Partit Nazzjonalista pprova jaħbi dan, tant li impjegat fid-Dar Centrali prova jagħtti l-fatt li l-Kap Nazzjonalista ma weġibx għad-domanda li saritlu u mar quddiem il-cameraman ta’ ONE sabiex jgħattilu l-viżwal.
Id-dikjarazzjoni ta’ Mario Galea fil-konfront ta’ Grech waslet fid-dawl tal-fatt li, fiż-żmien meta Adrian Delia ressaq ’il quddiem din il-kawża ċivili, huwa tħalla jagħmel dan waħdu mill-Partit Nazzjonalista u mill-establishment li baqa’ jiddomina fi ħdanu.
Delia stess kien ikkonferma dan fuq il-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’, lura fl-2018, filwaqt li ONE News fl-istess żmien kien żvela kif għal din il-kawża Delia ma kisibx l-appoġġ tal-kumplament tal-Grupp Parlamentari tant li l-kawża kienet iġġib biss il-firma tiegħu.
Mhux talli hekk, talli fis-sajf tal-2020 Adrian Delia tqaċċat mit-tmun tal-Partit Nazzjonalista mill-Blue Heroes tal-establishment biex minfloku tpoġġa Bernard Grech.
Mario Galea sostna wkoll li min mar jippoppa sidru fil-konferenza tal-Partit Nazzjonalista, kienu l-istess nies li ħallew lill-eks Kap waħdu meta ried li l-kawża ssir mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Galea kompla jgħid li dakinhar li Delia talab dan huwa sema’ b’widnejh il-biża’ minn bosta mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li Vitals jirreaġixxu u jfittxu lill-Partit Nazzjonalista.
Galea saħansitra sfida lil dawk li llum jappartjenu fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista sabiex jazzardaw jgħidu li dan mhux minnu ,u ddeskrivihom bħala oqbra mbajda.