Id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech il-Ħadd filgħodu dwar kif iż-żgħażagħ huma aljenati bil-White Paper li tirregola l-liġijiet dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, saret għax hija dik il-linja li tawh id-deputati ta’ Repubblika fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, kliem Bernard Grech huwa l-istess bħal ta’ Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami u attivist kbir tal-grupp tad-deputat Jason Azzopardi u l-eks segretarju privat ta’ Austin Gatt, Manuel Delia.
“Il-kannabis hija l-aħħar tattika ta’ aljenazzjoni tal-Partit Laburista”, kiteb Kevin Cassar.
Ftit jiem wara rrepeta warajh Bernard Grech, li qal li ż-żgħażagħ ġew aljenati b’din il-White Paper.
Kliem Bernard Grech nissel kritika qawwija u ħafna ddikjaraw kif hu diżrispett lejn iż-żgħażagħ meta taħseb li l-għażla elettorali hi biss fuq hekk iżda bħalu jaħsibha Kevin Cassar, li qal li l-kannabis hija strument użata mill-istat biex tgħerreq l-imħuħ taċ-ċittadini fl-irrelevanza.
Sal-lum Bernard Grech għad m’għandux opinjoni fuq is-suġġett bl-iskuża li qed jikkonsulta, iżda osservaturi politiċi jsostnu li dak li qed jipprova jagħmel hu biss kalkolu elettorali, tant li diskorsu dwar ir-rabta bejn il-kannabis u s-sondaġġi jikxfu għal kollox dwar x’inhuma l-kunsiderazzjonijiet tiegħu.