Nhar il-Ħadd jibda l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li fih toħroġ is-sejħa għall-interess għal min jixtieq jikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Is-sorsi ta’ ONE News fl-istamperija qalu li dan il-Kunsill Ġenerali mistenni jintuża minn Bernard Grech biex jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu u ma jħalli lil ħadd joħroġ għan-nofs.
Fil-fatt stqarrija tal-Partit Nazzjonalista l-Ħamis filgħaxija kkonfermat li Bernard Grech se jkun qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali, bis-sorsi tagħna qalulna li l-Kap se jipprova jieħu viżibilità kemm jista’ u jwassal il-messaġġ tiegħu li anki wara li l-Partit Nazzjonalista kiseb l-ikbar telfa elettorali min-nofs il-ħamsinijiet lil hawn, huwa għandu jibqa’ Kap.
Li Bernard Grech irid jibqa’ Kap ilu jimbottaha hu stess anki waqt kampanja elettorali u ftit tal-ħin wara li sar magħruf li tilef l-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech mar jiġri jagħmel messaġġ li xxandar fuq in-NET u qal li hu jrid jibqa’ Kap u se jfittex biss il-konferma mal-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali.
Sa issa ħadd ma ħareġ għan-nofs, b’Bernard Grech irid jagħmel ċert li jtellaq waħdu, l-istess bħal ma kien għamel Lawrence Gonzi fl-2012, fl-eqqel tal-inkwiet li dan tal-aħħar kellu ma’ Franco Debono.
Kemm il-darba Bernard Grech itellaq waħdu, it-tesserati jibqgħu b’xiber imnieħer u ma jkollhomx opportunità li jwasslu l-vuċi tagħhom dwar l-ogħla kariga fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt Bernard Grech ikun jeħtieġ biss maġġoranza sempliċi ta’ 50% u vot biex iżomm postu.
Is-sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li Bernard Grech qed jara biex iżomm appoġġ kemm jista’ u qed ipaċi mal-fazzjoni t’Adrian Delia billi lil dan tal-aħħar tah portafoll li jidher sabiħ u wisq iżjed żamm il-fazzjoni tal-establishment kuntenta billi obda lil ta’ Repubblika u l-portafoll tal-ġustizzja tah lil Karol Aquilina, ħu l-President tal-għaqda Repubblika.
Karol Aquilina huwa d-Deputat li issa assuma l-irwol tal-perċimess tal-Blue Heroes wara li Jason Azzopardi baqa’ l-art.
Nifhmu li n-nies ta’ Bernard Grech qed jippruvaw ukoll ifehmu lin-nies ta’ Chris Said biex jibqgħu wara l-Kap, anki wara li Said ma ngħatax portafoll.