Bernard Grech huwa l-kandidat ta l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Grech qal li tefa’ ismu u wera l-interess tiegħu sabiex jikkontesta għal Kap Nazzjonalista.
Bernard Grech li għandu l-appoġġ tad-deputati li sfiduċjaw lil Delia, issa se jibda bil-kampanja tiegħu sabiex jpprova jegħleb lil Adrian Delia fl-elezzjoni għal Kap Nazzjonalista.
Tant li d-deputati ribelli waqfu lil Therese Comodini Cachia u lil Roberta Metsola milli jikkontestaw, sabiex jingħaqdu kollha wara Bernard Grech.
Sorsi qrib id-deputati ribelli, qalulna li ġurnata tal-ġimgħa kienet ġurnata ta’ sodisfazzjon kbir għal fazzjoni Busuttil, għax issa qegħdin jaraw li b’Bernard Grech, qegħdin pass ‘il bogħod sabiex jeħilsu minn Adrian Delia.
Qabel mal-membri tal-Kunsill Ġenerali għażlu elezzjoni oħra għal Kap Nazzjonalista, l-esponenti ewlenin tal-fazzjoni Busuttil bellgħuha li se jagħtu għażla. Fil-fatt kandidati prospettivi webblu direttament jew indirettament lill-kunsilliera li se joħorġu biex dawn jagħżlu t-triq ta’ tellieqa oħra iżda issa ż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil huwa Bernard Grech.
Ġimagħtejn ilu Bernard Grech inqabad jikkonfofa ma’ Jason Azzopardi f’ħanut tax-xorb. Azzopardi qed jgħin bis-sħiħ sabiex Bernard Grech jieħu post Delia.
Minkejja li qed jingħata l-impressjoni li Bernard Grech huwa persuna ġdida, fil-verità ilu ħafna jimmilita fil-kamp tal-fazzjoni Busuttil, saħansitra mhux l-ewwel darba li tkellem fl-attivitajiet tar-Repubblika, l-għaqda tal-fazzjoni Busuttil.
Bernard Grech, huwa persuna konservattiva tant li kkampanja kontra d-dħul tad-divorzju f’Malta.
Issa kollox jidher li t-tellieqa se tkun bejn Adrian Delia u Bernard Grech għalkemm il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista fetħet l-espressjoni ta’ interess sa nhar it-Tnejn li ġej.