Għan-nies ta’ Beppe Fenech Adami m’hemmx post għal Franco Debono u fuq il-midja soċjali fetħulha kontra tiegħu.
Biex jgħid li se jittieħdu passi kontra Charles Zammit, minn Birkirkara, għal diskors ta’ mibegħda fil-konfront tiegħu, l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono għażel ritratt ta’ Zammit mal-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan l-episodju qed juri fid-deher raġuni oħra għaliex fil-Partit Nazzjonalista hemm it-trikki trakki.
Għal tal-Blue Heroes, dawk li poġġew lil Bernard Grech Kap, m’hemmx post għal Debono fil-partit tant li dwaru kiteb anke blog Manuel Delia. Iżda, għal oħrajn, Franco Debono għandu jerġa’ jingħata ċans mill-partit.
Qed jidher ċar li Bernard Grech qed jispiċċa bħal qasba tixxejjer mar-riħ bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet.
Fejn daqqa’ jagħmel pass naħa u daqa jagħmel pass ieħor.
Fil-fatt, wara li ressqu bħala wieħed mill-ismijiet papabbli għal Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, Simon Mercieca qallu fuq il-blog tiegħu li jekk tassew irid juri sinjal għandu jassigura li Franco Debono jkun kandidat.
Iżda, man-nies ta’ Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami din ma tantx tinżel tajjeb u skont status ta’ Debono nnifsu dan ċertu Charles Zammit instiga vjolenza fiżika fil-konfront tiegħu f’chat partikolari.
“Dawn mhux spoofs. Dan hate speech ikrah u veru”, kiteb Franco Debono.
Dan Charles Zammit hu qarib ta’ Simon Bussutil, l-eks Kap Nazzjonalista u martu kunsilliera Nazzjonalsita f’Birkirkara fejn jikkontesta Beppe Fenech Adami.
U f’dan kollu reġa’ fetaħlu Manuel Delia ta’ Repubblika, li fil-blog tiegħu kiteb dawk iż-żewġ battuti fuq in-nuqqas ta’ ġudizzju ta’ Bernard Grech.
Tfakkira żgħira li jew jisma’ minnhom jew ikollu l-problemi. Din mhux l-ewwel darba li ntbagħtu dawn il-messaġġi u finalment Bernard Grech dejjem ħa t-triq ta’ Repubblika u l-Blue Heroes. Fi kliem sempliċi dawk li poġġewh Kap.