Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għal darb’oħra sab postu fuq in-naħa tal-istatus quo, minflok fuq in-naħa taċ-ċittadin.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, li qal li bla ebda mistħija ħareġ jattakka l-appelli tal-Prim Ministru Robert Abela biex jintbagħat messaġġ ċar ta’ ordni fis-soċjetà tagħna, inkluż mill-Qrati. Dan anke b’ġustizzja max-xogħol tal-Pulizija.
Biex ma jkunx fuq in-naħa taċ-ċittadin, Bernard Grech sab l-iskuża tar-riżorsi.
Il-Partit Laburista qal li ma qalx Grech hu, li qatt daqs illum il-Qorti ma kellha riżorsi, inkluż f’dak li hu membri tal-ġudikatura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll fuq l-investiment fil-forzi tal-ordni. L-investiment fil-forzi tal-ordni llum hu l-ogħla li qatt kien, fejn fost oħrajn il-ħaddiema kollha jgawdu minn ftehimiet kollettivi mġedda.
Il-Partit Laburista temm l-istqarrija jgħid li fuq dan il-Gvern għandu jkompli jinvesti u jibni l-ħidma tiegħu għal iktar sigurtà f’pajjiżna fejn kulħadd hu mistieden jiġbed l-istess ħabel favur iċ-ċittadin.