Il-Ħadd filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ laqa’ fi ħdanu lill-eks Ministru Nazzjonalista Ninu Zammit li kien ġie sospiż mill-partit wara li nqabad li kellu kont fl-Iżvizzera.
F’attività politika fiż-Żurrieq, fost ħafna nies li sellem, saħansitra anki lil Marlene Farrugia li kienet parti minn dik imlaqqma bħala koalizzjoni ta’ konfużjoni, Bernard Grech sellem wkoll lil Ninu Zammit, li kien joħroġ fuq il-ħames distrett.
“Nixtieq insellem lil Helen Damato, lil Ninu Zammit, lil Louis Galea”
Ninu Zammit kien spiċċa ġie sospiż mill-Partit Nazzjonalista wara li ma ċaħadx li kellu kont bankarju fl-Iżvizzera.
Ħames snin ilu kien feġġ skandlu dwar Maltin li għandhom kont bankarju fl-Iżvizzera.
Dak iż-żmien Ninu Zammit kien skomdu jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, bl-iskuża li kien irtira mill-ħajja pubblika.
Madankollu kien ġie rappurtat li kellu tliet miljun u mitejn elf dollaru fil-kont sigriet tiegħu f’bank f’Ġinevra.
F’dokumenti li kienu ħarġu, fl-2005, meta Ninu Zammit kien fil-kabinett ta’ GonziPN, huwa kien mar l-Iżvizzera u f’laqgħa ma’ bankier kien talab dwar kif jista’ jevita direttiva Ewropea marbuta ma’ tfaddil ta’ flus.
Ninu Zammit kellu anki ħsibijiet li jittrasferixxi fondi f’kumpanija fil-British Virgin Islands, b’esperti fil-qasam finanzjarju jsostnu li b’dan il-mod, Zammit ried jevadi t-taxxa.
F’kummenti li kien ta, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li kien sorpriż b’dak li kien ġie żvelat fuq Ninu Zammit u rrefera lill-ġurnalisti għad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu iżda fid-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu, Ninu Zammit dejjem kiteb biss li kellu mal-għoxrin elf lira Maltin li jiġu ekwivalenti għal tmienja u erbgħin elf ewro u xi proprjetajiet u għelieqi.
Issa fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jidher li qed jerġgħu jidħlu nies bħal Ninu Zammit u oħrajn tal-passat li kienu fit-tim ta’ GonziPN.