B’ton konfrontattiv u tonalità dispreġjattiva lejn id-deputati bilqiegħda quddiemu, il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jibdel seduta kommemorattiva dwar il-mitt sena tal-Parlament Malti, f’waħda partiġġjana. Huwa stqarr:
“Deputati mixtrija sur President”
“Il-ftit għodda li għandna biex naħdmu ġibtuhom farsa.”
“Kif tridhom jiftħu ħalqhom jekk xtrajtuhom kollha.”
Fil-preżenza ta’ diversi eks Speakers minn kull sfond politiku, Bernard Grech ħadha qatta bla ħabel kontra d-deputati tal-gvern u ntefa’ f’dagħdigħa negattiva fejn għalih fil-pajjiż u l-parlament kollox sejjer ħażin.
B’hekk żamm konsistenti mal-istil negattiv tiegħu: “Għandkom raġun ma tkunux komdi tisimgħu dan id-diskors. Għandkom raġun. Qegħdin jgħidulkom xebbajtuna.”
Id-diskors ta’ Bernard Grech stona ma’ dawk ta’ qablu.
Qabel il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem id-Deputat Prim Ministru, fid-dawl li l-Prim Ministru Robert Abela jinsab l-Iskozja f’isem pajjiżna għal-laqgħat tal-COP26.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne sellem politiċi miż-żewġ naħat tal-kamra li tul is-snin taw kontribut għall-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna: “Ġganti fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Li jimlewna b’unur u jpoġġu wkoll piż fuq spallitna biex inżommu għoli x-xogħol u l-isem ta’ dan il-parlament.”
Chris Fearne tkellem ukoll dwar passi li ħa l-Gvern preżenti biex jiżdied l-iskrutinju fuq il-membri parlamentari u bidliet biex il-parlament ikun iktar rappreżentattiv tas-soċjetà
Fost oħrajn b’liġi storika biex in-nisa jkunu iktar rappreżentati. Hawn semma wkoll il-ħtieġa ta’ iktar diskussjonijiet biex insaħħu s-sistema demokratika.
L-Ispeaker attwali Anġlu Farrugia spjega l-iżviluppi li saru fil-Parlament tul dawn l-aħħar għaxar snin b’mod partikolari l-awtonomija tal-Parlament u ż-żieda ta’ trasparenza fl-operat tal-Parlament.
Fi tmiem is-seduta l-ispeaker Farrugia sellem lil diversi eks speakers u tahom munita komemorattiva. L-istess munita taha wkoll lid-Deputat Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Biex is-seduta ngħalqet b’sinjal simboliku mis-sedja li rrikonoxxiet il-ħidma ta’ diversi politiċi lejn pajjiżna, irrispetivament mill-kuluri politiċi.