Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li jrid jimmodernizza, u għalhekk jibdel, il-mudell tat-tassazzjoni ta’ pajjiżna.
Mdanakollu, meta mistoqsi kif, Grech ma kienx jaf iwieġeb.
F’konferenza tal-aħbarijiet biex iniedi d-dokument ta’ qabel il-Budget, Bernard Grech qal hekk:
Qal, “Il-mudell ta’ tassazzjoni jrid ikun immodernizzat, sabiex il-Gvern ikun jista’ jiġġenera iktar dħul.”
Iżda, mistoqsi għad-dettalji, Bernard Grech ma kienx jaf iwieġeb.
Qal, “Nistiednek tgħidli fejn għidt li aħna rridu nbiddlu l-mudell.”
Minflok spjega, mar lura kważi tletin sena u ma qal xejn iktar.
Qal, “Irridu napprezzaw, anke kif kelli l-opportunità nindirizza l-konferenza tal-EY din il-ġimgħa … li hu evidenti li l-mudell tat-tassazzjoni f’pajjiżna – għall-inqas dak li suppost jattira u dak li dejjem sal-lum kien jattira ħafna investiment dirett barrani – kienu liġijiet li għadda gvern Nazzjonalista fl-1994.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet ħadet għal kollox dan il-format, bi Grech isemmi kull settur iżda mkien ma’ jippreżenta jew jispjega miżura konkreta.
Il-Gvern ippubblika d-dokument tiegħu ta’ qabel il-Budget iktar minn xahar ilu u l-ġurnalisti staqsew lil Bernard Grech għaliex dam daqshekk biex nieda tiegħu.
Bernard Grech kellu din bħala raġuni.
Qal, “Dan id-dokument kellu jiġi varat qabel illum. Tapprezza li din il-ġimgħa kien hemm żviluppi partikolari u li kellna nimmodifikaw anki t-timeline ta’ meta stajna nvarawh.”