Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech injora għal kollox mistoqsijiet dwar il-flus li għandu jħallas il-Partit Nazzjonalista f’liċenzji lill-Awtorità tax-Xandir u minflok infexx b’ton arroganti meta mistoqsi minn ONE News.
ONE News staqsieh proprju wara li ġie żvelat li l-Awtorità tax-Xandir fetħet rikors fil-konfront tal-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista, Media.link.
Fir-riskors imressaq, il-Partit Nazzjonalista qed jiġi mfittex biex iħallas b’mod immedjat tmienja u sittin elf ewro.
Dan filwaqt li ġie nnotat kif ir-rikors quddiem il-Qorti nfetaħ biss wara numru ta’ twissijiet mill-Awtorità tax-Xandir lill-kumpanija Media.link, li wkoll ġew injorati.
Evidentament skomdu, il-Kap Nazzjonalista naqas ukoll milli jwieġeb dwar kif il-Media.link qatt ma pprovdiet raġuni valida, skont il-liġi, u baqgħet m’għamlitx il-pagamenti dovuti minnha.
Minbarra l-liċenzji mhux imħallsin mill-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista marbutin max-xandir tat-televiżjoni u r-radju, Media.link ma ħallsitx ukoll għall-użu tal-antenna f’Ħal Għargħur.
Iżda dwar dan, il-Kap Nazzjonalista baqa’ ma wieġeb xejn.
Skomdu għall-aħħar u mingħajr risposta, il-Kap Nazzjonalista kompla bl-aġir arroganti tiegħu u daħal jiġri f’kafetterija faċċata tal-Parlament biex jaħrab mill-mistoqsijiet ta’ ONE News.
ONE News kien żvela wkoll strateġija mill-Partit Nazzjonalista li jattakka l-Awtorità tax-Xandir.
L-attakki kontinwi fuq l-Awtorità tax-Xandir mill-Partit Nazzjonalista kienu maħsuba biex iservu ta’ intimidazzjoni fuq din l-istituzzjoni.
Dan bil-għan li din ma tiħux passi legali kontra l-Partit Nazzjonalista stess għall-fatt li ilu ma jħallas il-liċenzji tal-midja tiegħu għal numru ta’ snin.