Bernard Grech evita għal darba oħra mistoqsija dwar jekk hux ser ikun qed jippublika s-sors tal-flus li huwa ħallas bihom l-eluf kbar dovuti f’taxxa u f’VAT li ma kienx ħallas għal snin twal.
Waqt li kien qed idur il-każini Nazzjonalisti it-Tnejn filgħodu, ONE News kompla jistaqsih l-iktar mistoqsijiet pertinenti. Meta mistoqsi dwar jekk hux ser jippublika s-sors tal-flus li bihom ħallas l-eluf ta’ ewro dovuti wara snin ma jagħmilx dan, huwa wieġeb biss li għamel dan bi flus tal-familja.
Dan qalu anki jekk lil tat-taxxa qalilhom li kellu problemi finanzjarji.
Ġurnalist ta’ ONE News staqsa, “Dr.Grech se tippubblika s-sors ta’ minn fejn ħallast it-taxxi u l-VAT?”
Grech wieġeb, “Skużi, mela jien diġà għidt, jiena diġa spjegajt, illi jiena ħallast it-taxxa mill-flus tal-familja, kif ukoll kelli anke klijenti.”
Meta affaċjat b’mistoqsijiet dwar ir-reati kriminali ta’ misappropjazzjoni ta’ flus tal-Vat, li wkoll hemm fuq rasu, għal darba oħra ħarab mill-mistoqsija. Minflok wieġeb, huwa ħareġ iċ-ċertifikat li juri kif Grech ħallas biss l-eluf dovuti f’taxxa u f’VAT wara li ddeċieda li jikkontesta għal kap tal-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi għaliex ħeba lill-panel tal-esperti li għamlu l-proċess ta’ due diligence fuq iż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, huwa għal darba oħra deher jinfixel, waqaf f’nofs sentenza u filwaqt li qabad ixejjer iċ-ċertifikat, daħal fil-karozza.
Il-ġurnalist staqsa lil Grech, “Il-fatt li huwa reat li ma tħallasx il-flus tal-VAT li tawk in-nies?” u Grech wieġeb, “Jien offrejtulek dan diġà diversi drabi.”
Il-ġurnalist kompla jsaqsi, “Għandek x’taħbi, anke mir-rapport tad-due diligence?” u Grech qal, “Ma tixtieqx tieħdu dan il-, dan il-…”
Meta mistoqsi mill-ġurnalist, “Għandek x’taħbi għalhekk ma tridx dibatittu tul il-kampanja?”, Grech wieġeb, “Id-due diligence, id-due diligence report jgħid … ma tridx tieħdu r-rapport.”
Ir-rapport tad-due diligence dwar il-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jgħid iswed fuq l-abjad li l-panel tal-esperti sar jaf bis-saga tat-taxxa u tal-VAT lejn tmiem il-proċess u li Bernard Grech ma tax l-istampa sħiħa dwaru.