Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għażel li ma jitkellimx fid-dibattitu parlamentari li sar fuq tliet seduti dwar il-liġi fuq l-użu responsabbli tal-kannabis.
Bosta nies li jsegwu l-Parlament u l-iżviluppi marbuta mal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż innutaw dan u għarrfu l-iskumdità li jinsab fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni, li spiċċa bla direzzjoni fuq is-suġġett.
Fid-dibattitu Parlamentari li beda t-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra u ntemm fil-jum tat-Tnejn ta’ din il-ġimgħa, mhux biss ma tkellimx Bernard Grech iżda mid-Deputati Nazzjonalisti kienu biss tliet deputati li qamu jitkellmu.
Dan għall-kuntrarju tan-naħa tal-Gvern, li apparti li tkellmu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici, li preżenta l-liġi fil-Parlament, kien hemm seba’ deputati oħra.
L-imkejjen tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li wara r-rebus li qamlu fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, Grech issupervja u ma riedx la jitkellem u jħalli ħafna oħrajn jitkellmu.
L-istess imkejjen qalulna li l-pariri li ngħataw lill-Kap kienu li inqas ma jitkellem fuq is-suġġett iżjed aħjar.
Dan anki fi sfond tal-editorjal tal-Ħadd li għadda fuq l-Illum fejn intqal lil Grech, li għaffiġha bil-kbir.
Intant il-midja, fosthom anki dik indipendenti rrappurtat dettalji ta’ ġlied u nuqqas ta’ tmexxija li kellu Bernard Grech dwar il-liġi proposta mill-Gvern fuq l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fost oħrajn għarfu d-dikjarazzjoni li għamel Bernard Grech qabel ma’ tkellem mal-Grupp Parlamentari tiegħu, u li fih qal li l-Gvern ikkuppjah iżda imbagħad kien kostrett li joħroġ iqatta’ biċċiet il-liġi.
Sa wara li ħareġ ibiddel il-pożizzjoni tiegħu, Bernard Grech baqa’ jrid il-mertu.
Meta kien mistoqsi: “Hawnhekk int kont għidt li kkupjawk allura inti kontra l-proposta tiegħek stess?”
Bernard Grech wieġeb: “Dak li propona l-Gvern fl-abbozz kellu iva xi punti li jien fil-fatt indikajt li huma fid-direzzjoni li tista’ tgħin.”
Il-pożizzjoni inizjali ta’ Grech li joħroġ favur kienet waħda ta’ konvenjenza hekk kif il-Maltatoday tat dettalji ta’ laqgħa taħraq ta’ Grupp Parlamentari li fiha ġiet imposta pożizzjoni kontra mill-fazzjoni li poġġiet lil Bernard Grech Kap.
Fil-fatt xħin kien kostrett iċedi u jagħmel dak li jgħidulu, Bernard Grech ġie rappurtat jgħid li qal lid-Deputati li attendew għal-laqgħa, biex ma jiġux isemmulu xi riżultat ieħor ta’ xi survey.
Għal dan il-kumment ta’ Bernard Grech qam furur kbir fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, bid-Deputat Nazzjonalista Mario Galea jwieġbu u jgħidlu, “Kif ma tistħix tiġi hawn takkużana bir-riżultati ħżiena tas-surveys. Għalfejn ma tirrikonoxxix li xebbajtna tiġi hawn kollox lest mingħajr ma qabel tiddiskuti magħna.”
Il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis issa tinsab quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi biex imbagħad tgħaddi għall-vot fl-istadju tat-tielet qari, bil-Prim Ministru jgħid li l-Gvern għandu l-kuraġġ li jwettaq bidla favur soċjetà iktar ġusta.
Il-Prim Ministru stqarr: “Ir-relazzjoni sinċiera li għandna mal-poplu Malti żammejnieha quddiem għajnejna qabel fassalna din il-liġi u se tibqa’ ċentrali, din ir-relazzjoni t’onestà u ġenwinità man-nies f’kull bidla oħra, tkun xi tkun li rridu nġibu f’pajjiżna. Sur President, aħna rridu li jkollna Malta li tagħder u mhux li tikkundanna lin-nies. Aħna rridu Malta li tkun aktar ġusta, Malta li tkun aktar ħanina, Malta fejn is-sens ta’ ġustizzja tirrenja għaliex nemmen li b’hekk verament nistgħu nitkellmu dwar Malta u Għawdex aħjar li rridu għal uliedna.”