Nazzjonalist, li kien qed jakkumpanja lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fil-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun il-Ħadd waranofsinhar, spiċċa l-Isptar b’diversi ġrieħi wara li partitarji oħrajn fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista stess fil-lokal aggredewh.
Jirriżulta li l-ġlieda nqalgħet fl-istess Każin ftit mumenti wara li Bernard Grech ma tħalliex jidħol f’dan il-Każin tal-Partit tiegħu stess. Ir-raġel, li kien jeħtieġlu jiġi operat f’irkopptu wara li ċarrtulu l-legaments, kien fil-Każin biex jargumenta li l-Kap kellu dritt ikun hemm.
Kien hawnhekk li hu ġie aggredit minn grupp li l-ewwel bdew joffenduh u wara nfexxew isawtuh. Skont mart il-vittma jirriżulta li fil-każ kien involut ukoll il-persuna li bħalissa għandha f’idejha l-Każin.
Wara li ma tħalliex jidħol fil-Każin tiegħu, Grech kellu jmur isegwi l-marċ ta’ San Gejtanu mill-gallerija tal-Każin ta’ San Ġużepp. Dan anke jixhdu ritratt li tella’ hu stess fuq il-midja soċjali tiegħu.
Kienet proprju l-mara tar-raġel, li fi grupp magħluq fuq Facebook bl-isem Partit Nazzjonalista Magħqudin, spjegat is-sitwazzjoni u rrimarkat li l-persuna, li “bħalissa għandu dan il-Każin f’idejh”, beda joffendi lir-raġel tagħha u sussegwentement ġie aggredit minn numru ta’ persuni.
Tenniet li, b’riżultat ta’ din il-ġlieda, ir-raġel tagħha – ċertu Noel Mifsud Bonnici – kellu jiġi operat f’waħda minn irkopptejh peress li ċċartulu l-legaments u lanqas seta’ jimxi. Fil-fatt, mal-istess post tellgħet ritratt ta’ sieq ir-raġel tagħha fuq stretcher aktarx fl-Isptar.
Il-mara ta’ Mifsud Bonnici spjegat ukoll li r-raġel tagħha sofra minn ġrieħi oħrajn f’ġismu kawża tad-daqqiet li qala’.
Hi indirizzat lil dawk li aggredew lil żewġha u qaltilhom li messhom jistħu hekk kif għajrithom kodardi talli tefgħu lir-raġel tagħha mal-art u komplew isawtuh.
Jirriżulta lil ONE News li partitarji simpatizzanti tal-Eks Kap Adrian Delia kienu fost dawk li ħaduha kontra r-raġel, bl-elementi kbar ta’ firda jibqgħu jiddominaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.