Il-Professur Andrew Azzopardi kiteb b’mod estensiv fuq is-sitwazzjoni mwergħa li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
F’artiklu fuq il-Malta Independent, il-Professur Azzopardi kiteb dwar il-ġlied u l-qasmiet fil-partit ta’ Bernard Grech.
Fi kliem ċar daqs il-kristall, Azzopardi kiteb li l-Partit Nazzjonalista għadu mhux kapaċi li jkun elett mill-poplu u jinsab rieqed.
Azzopardi appella lit-tmexxija Nazzjonalista biex twaqqaf il-ġlied intern.
Hawnhekk issemma għalfejn il-Kap kellu jidħol f’diskussjoni frivola fuq il-kwistjoni tal-flokkijiet li n-nies ta’ Delia libsu fuq il-Fosos lejlet l-Indipendenza.
“X’hemm ħażin li n-nies jilbsu xi flokk ta’ kandidat?”, staqsa Azzopardi, li kkummenta kif il-Kap Bernard Grech iktar moħħu biex jikkumenta fuq hekk milli fuq l-affarijiet li jgħoddu għall-pajjiż.
Dan anki ntqal b’referenza li Bernard Grech mar quddiem il-ġurnalisti jikkundanna lil Adrian Delia u jgħidlu li l-mossa tax-show of force fuq il-Fosos kienet inaċċettabbli.
Min-naħa l-oħra l-Professur Azzopardi, li jikkummenta fuq il-ġrajjiet kurrenti b’temi politiċi, innota li lanqas hemm dixxiplina interna u lanqas strateġija li ġġib in-nies flimkien.
“Kulħadd għal rasu”, saħaq il-Professur Azzopardi.
Azzopardi żied jgħid li fil-Partit Nazzjonalista hemm ġlied ta’ min jiġbed l-aktar lejh, bejn l-istrutturi interni fil-partit kontra l-kitbiet fuq facebook mill-kandidati l-aktar b’saħħithom u stabbiliti.
Lejn tmiem l-artiklu, il-Professur Azzopardi nnota li l-Kap Bernard Grech ma jispirax u s-saħħa tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, telqet.