Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jipposponi li jressaq lill-kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, quddiem il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Mezzi Soċjali, sa wara l-konferma tal-Kap attwali Bernard Grech bħala Kap mill-kunsillieri Nazzjonalisti.
Il-Partit Nazzjonalista qed jimxi b’dan il-mod minkejja li, wara l-allegazzjonijiet li Albert Buttigieg innifsu għamel pubblikament ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista uffiċjalment tah 24 siegħa biss biex jissotanzjahom.
Fil-fatt, Albert Buttigieg innifsu kkonferma mas-sit Lovin Malta li l-Kummissjoni tal-Etika, Dixxiplina u Mezzi Soċjali tal-Partit Nazzjonalista baqgħet qatt ma bagħtet għalih.
Fid-dawl ta’ dan, sorsi fid-Dar Ċentrali spjegaw lil ONE News li Bernard Grech qed jipposponi dan il-proċess sabiex, kemm jista’ jkun, ma jurta lill-ebda Kunsillier qabel il-vot ta’ konferma li qed jaffaċċja.
Sors partikolari stqar hekk ma’ ONE News:
“L-inqas ħaġa li jista’ jaffordja l-Kap bħalissa hija li jirfes xi kallu ta’ xi ħadd. Għalissa qed jara li ma jkomplix joħloq irwiefen u qed jipprova jikkuntenta u jintgħoġob kulħadd, speċjalment lil dawk li għad iridu jivvutaw fil-konferma, ġejjin minn liema fazzjoni ġejjin.”
Tul l-aħħar jiem kompla joħroġ biċ-ċar kif Bernard Grech ħadem kemm felaħ biex jikkuntenta liż-żewġ fazzjonijiet li jiddominaw fid-Dar Ċentrali: ħdma li wasslet biex qarset lil diversi esponenti fosthom l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u Albert Buttigieg.
Quddiem dan kollu, Bernard Grech għamel minn kollox biex jostor il-kritika fil-konfront tiegħu. Dan għamlu sabiex ma tiġix imminata l-kampanja tiegħu u biex iġib konferma b’saħħitha fi tmiem din il-ġimgħa.
Grech kien saħansitra qal li, min jikkritika lill-Partit minn barra, m’għandux intenzjonjiet tajbin.
“Inti ma jistax jkollok intenzjoni tajba li tmur fil-pubbliku u tattakka u tipprova tkisser lill-Partit meta inti taf li għandek strutturi fil-Partit li għandna nużawhom biex intejbu dawk l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb.”
Madankollu, l-attività fuq il-profil ta’ Facebook ta’ Albert Buttigieg kompliet tikkonferma l-intriċċi li qed jiddominaw fil-Partit Nazzjonalista.
B’mod konsistenti s-Sindku ta’ San Ġiljan kiteb botti sottili lejn it-tmexxija attwali tal-partit tiegħu stess. Fost dawn kien hemm frażi mill-filosfu Grieg Platun, li tgħid li ħadd ma huwa mibgħud iżjed minn dak li jsostni l-verità.
F’każ ieħor huwa ppubblika ritratt ta’ Winston Churchill bil-kliem taħtu “Perseverance. If you are going through hell, keep going.”; indikazzjoni li Buttigieg innifsu se jibqa’ jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu fil-konfront ta’ Bernard Grech.
Albert Buttigieg kien allega li xi ħadd għoli ħafna fil-Partit Nazzjonalista iltaqa’ ma’ kuntrattur kbir b’interessi kummerċjali u fil-kostruzzjoni f’San Ġiljan u tah il-kelma li kien se jagħlaq ħalq Buttigieg, li min-naħa tiegħu kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu.
Dwar dan, Ray Bezzina, l-eks Chief of Staff ta’ George Pullicino u dak li sa qabel l-elezzjoni kien imexxi l-uffiċċju ta’ Bernard Grech, ħassu mniggeż b’dak li qal Buttigieg u talab lill-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista biex tibgħat għal Buttigieg.