Bernard Grech ma jafx jgħid lin-negozji u l-għaqdiet mhux governattivi kemm jiswew it-terms and conditions tal-programm elettorali tiegħu.
Dan hekk kif qed jorbot ħafna mill-għotjiet u l-wegħdiet tiegħu mal-bżonn li negozji u għaqdiet isiru ESG.
Terminu li Bernard Grech qed juża għal numru ta’ obbligi ġodda li magħhom ukoll iġibu piż finanzjarju ġdid.
Meta mistoqsi dwaru Bernard Grech stqarr li kull inċentiv tal-Partit Nazzjonalista ser ikun marbut ma’ dawn l-obbligi ġodda.
Qal, “Waqt li qed tieħdu kull inċentiv li nixtiequ nagħtu bħala Gvern Nazzjonalista ser ikunu huma stess ikomplu jinvestu biex itejbu l-ambjent, biex itejbu r-responsabbilità soċjali tagħhom, kif ukoll il-governanza.”
Mistoqsi kemm jiswew dawn it-terms and conditions li jridu jilħqu l-għaqdiet u l-kumpaniji biex jibbenefikaw mill-wegħdiet ta’ Bernard Grech, huwa ma kienx jaf jgħidilna.
Filwaqt li b’dawn l-obbligi ġodda il-burokrazija ser ikun qed iżidha u mhux inaqqasha, Bernard Grech spiċċa jwaħħal fil-Partit Laburista filwaqt li baqa’ ma ta l-ebda ċifri ta’ kemm ser tiswa għaqda bħal klabb tal-futbol biex tkun tista’ tibbenefika mill-wegħdiet.
Wara li reġa’ kellu joħroġ mill-karozza minħabba ġuvnott li b’nofs ċajta ġie jitolbu jiffirmalu fuq sidru, Bernard Grech lanqas hawnhekk ma seta’ jweġibna wara li kellu ċans jaħsibha.
Qalilna biss li l-kumpaniji jridu jingħaqdu miegħu biex jerfgħu dan il-piż.