Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, deher skomdu għall-aħħar u telaq ’il barra meta mistoqsi jekk id-Deputy Speaker Claudette Buttigieg kinitx infurmata minn qabel bil-manuvra li kien se jagħmel nhar it-Tnejn kontra l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Kienet manuvra li Claudette Buttigieg spiċċat tat ruling ta’ tliet paragrafi qosra dwarha wara madwar sagħtejn tiddelibera.
Fir-ruling qalet li t-talba ta’ Grech kienet kwistjoni urġenti, anke jekk iktar qabel talbet lill-whips jiftiehmu għal ġurnata oħra.
Staqsejna lil Bernard Grech dwar din is-sitwazzjoni.
Mistoqsija li għamilna f’konferenza tal-aħbarijiet fejn reġa’ ħarab id-domandi.
Erġajna pruvajna nistaqsuh fl-aħħar tal-konferenza iżda minflok lebbet ’l barra.
Fl-aħħar jiem ġie żvelat li Bernard Grech kien imwissi li jekk mhux bl-OK tal-grupp parlamentari jrid joqgħod attent qabel jippronunzja ruħu dwar ċerti affarijiet.
U saħansitra spiċċa jaħrab il-ġurnalisti iktar minn qabel.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha propona li jbiddel il-mod kif jaħdem il-Kumitat tal-Istandards għax m’għoġbux kif iddeċieda l-Ispeaker, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi-Kap David Agius u l-Whip Robert Cutajar.
Kellu miegħu ukoll lid-deputati Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.