F’konferenza tal-aħbarijiet wara li l-Gvern u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħabbru miżuri biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma qal imkien li jaqbel mal-miżuri mħabbra.
Minflok kompla jagħmel kummenti politiċi dwar l-imxija f’pajjiżna u wassal sentiment li l-varjant Ingliż tal-Covid-19, li laqat lill-Ewropa kollha, huwa tort tal-Gvern.
Bernard Grech għamel dawn il-kummenti anki jekk is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci saħqet li ż-żieda fl-infezzjonijiet ġejjin mill-varjant Ingliż, bħal ma hu qed jiġri f’pajjiżi Ewropej oħra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi fuq min qed jagħtih il-pariri mediċi iżda ħarab milli jwieġeb u minflok reġa’ semma l-kumitat li għandu tal-Partit Nazzjonalista għall-Covid-19.
Bernard Grech indirizza konferenza tal-aħbarijiet ftit minuti wara li tħabbru miżuri mmirati li jonqsu l-infezzjonijiet fost oħrajn.
Bernard Grech infexxa jattakka lil Gvern anki jekk sa ftit minuti wara li l-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru l-miżuri, imsieħba soċjali bħall-Unjin tal-Għalliema u l-Kamra tal-Kummerċ laqgħu l-miżuri l-ġodda u talbu biex kulħadd jingħaqad ħalli negħlbu l-isfidi tal-pandemija.