Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li ma fiha xejn ħażin li impjega lin-neputi tiegħu fuq bażi full-time fl-Istamperija fl-istess waqt li talab lil ħaddiema l-oħra fil-Partit Nazzjonalista jagħmlu sagrifiċċju u, fi kliemi stess, isofru “barxa” fis-silenzju. Bernard Grech kien qed jirreaġixxi għal dak li żvela ONE News aktar kmieni din il-ġimgħa, meta rrapporta li, skont sorsi fid-Dar Ċentrali, Grech impjega lin-neputi tiegħu Philip Grech bħala graphic designer. In-neputi ta’ Grech iddaħħal jaħdem full time wara l-elezzjoni ġenerali waqt li impjegati f’oqsma oħra, fejn hemm ħafna xogħol, telqu u ma daħal ħadd minflokhom.Barra l-Parlament, mal-mikrofonu ta’ ONE News, Bernard Grech, skomdu għall-aħħar, beda jilgħab għal ħin. Madankollu, ma kellux għażla ħlief, meta ġie affaċċjat bil-fatti, li jikkonferma dak li żvela ONE News. Huwa saħansitra staqsa x’fih ħażin l-ingaġġ tan-neputi tiegħu.
Ġurnalist – “Kif tispjega l-impjieg ta’ membru tal-familja tiegħek fuq bażi full-time mentri l-ħaddiema l-oħra tlabthom jagħmlu sagrifiċċju?”
Bernard Grech – “Meta qed tgħid membru tal-familja tiegħi…?”
Ġurnalist – “In-neputi tiegħek, Philip Grech. X’tispjega?”
Bernard Grech – “Hemm xi ħaġa ħażina?”
Għal din ir-risposta, il-ġurnalist ta’ ONE aċċenna għar-rabja kbira li teżisti fid-Dar Ċentrali b’rabta ma’ dan l-ingaġġ. Wara l-ikbar telfa f’elezzjoni ġenerali għall-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kien tkellem dwar kemm hemm bżonn li jsiru sagrifiċċji għax is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit ma mhix tajba. Saħansitra kien qal li min se jieħu dik li sejħilha “barxa”, se joħodha għall-ġid tal-Partit.
“Kulħadd, però, irid jifhem li jekk se jkollu barxa irrid jgħid li jien din il-barxa, irrid nieħodha għall-ġid tal-Partit biex jien nimxi ’l quddiem.”
Minkejja dan, Bernard Grech impjega membru tal-familja tiegħu bħala full-timer fid-Dar Ċentrali. Is-sorsi ta’ One News qalu li Grech ikkonferma kemm id-diskors ta’ biża’ tiegħu kien wieħed biex iżomm postu u kif fil-verità huwa jaħseb l-aktar għal dawk tal-qalba.
Ġurnalist – “Il-Kunsilliera int għidtilhom li jridu jagħmlu s-sagrifiċċji, inti, fid-diskors tiegħek.”
Bernard Grech – “Kull min huwa kapaċi jista’ jaħdem ma’ Gvern Nazzjonalista.”
Kien hawn li Bernard Grech, evidentament skomdu, lebbet għal ġol-karozza tiegħu sabiex jevita li jsirulu aktar mistoqsijiet.
Ġurnalista – “Ħaddiema oħra fil-Partit Nazzjonalista jridu jagħmlu sagrifiċċju u n-neputi tiegħek le?
Bernard Grech – “Kulħadd jista’ jaħdem fil-Partit Nazzjonalista. Iżżommlix il-bieba.”
Intant, anki uffiċjal għoli fil-midja tal-Partit Nazzjonalista, fi sforz biex jaqbeż għal Bernard Grech fuq Facebook, spiċċa jikkonferma l-veraċità tar-rapport ta’ One News. L-impjieg tan-neputi ta’ Bernard Grech fl-Istamperija kkonfermah fuq il-Facebook Clayton Tanti Gregoraci, il-Head of Operations tal-Media.Link, il-kumpanija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista. Facebook post saved in Photos
“Din il-persuna kont jien li għażiltha wara li għaddiet minn proċess normali,” kiteb Tanti Gregoraci, li żied jgħid li ma kellu l-ebda ħjiel li Phlip Grech kien jiġi mill-Kap tal-Partit.
Attivisti tal-PN qalu lil One News, iżda, li fil-fatt Tanti Gregoraci lill-qraba tal-Kap jafhom sew, anke għax intervistaw lill-martu fil-kampanja għall-elezzjoni ġenerali.