Il-Kap tal-Oppożizzjoni ilu tliet xhur mingħajr Kelliem għat-Turiżmu. Wara l-mewt ta’ Robert Arrigo, li kien il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Bernard Grech baqa’ ma ħatar lil ħadd għall-portafoll ta’ qasam tant importanti għal pajjiżna. Minflok Arrigo fil-Parlament ġie elett b’elezzjoni każwali Albert Buttigieg, l-eks Sindku Ġiljaniż, li tliet xhur mindu ġie elett baqa’ ma ngħata l-ebda portafoll fil-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Dan il-fatt ġie nnutat minn midja differenti, bis-sit LovinMalta jinnota dan ukoll filwaqt li mkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li l-apatija min-naħa ta’ Grech, li għal tliet xhur sħaħ jibqa’ mingħajr Kelliem għat-Turiżmu u li lil deputat elett ġdid ħallih bla portafoll qed tirrita lil bosta attivisti Nazzjonalisti.
“Bernard Grech isemmi ħafna ħidma li għandha ssir fil-Partit Nazzjonalista iżda mbagħad iħalli fuq l-ixkaffa deputat u għal qasam importanti bħa ma huwa t-turiżmu ma jsib lil ħadd biex ikun parti mix-Shadow Cabinet,” qaltilna l-persuna li tkellmet ma’ dan l-istazzjon.
Din mhux l-ewwel darba li l-Kap Nazzjonalista kaxkar saqajh u dam biex jieħu deċiżjoni, anki fuq ix-Shadow Cabinet tiegħu. Wara li ħa post Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni dam mija u disat ijiem biex ħatar shadow cabinet, li jfisser tliet xhur u fuqhom.
Intant, l-istess persuna qaltlilna li tifhem li Bernard Grech għandu xi jpatti lil Buttigieg. “Nifhem li l-Kap għandu an axe to grind għal Albert Buttigieg li, wara l-elezzjoni ġenerali, ħammar wiċċ il-Kap u allega li xi ħadd kbir fil-Partit Nazzjonalista kien iltaqa’ ma’ kuntrattur ewlieni f’lukanda u ftiehmu li l-partit jagħlaqlu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti f’San Ġiljan,” irrimarkat il-persuna li tkellmet magħna b’kundizzjoni ta’ anonimità.
Sussegwentament, Albert Buttigieg spiċċa tressaq quddiem il-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista, l-istess kummissjoni li quddiemha tressqet Anne Marie Muscat Fenech Adami, li kienet sfidat lill-Kap Nazzjonalista u ma rriżenjatx minn Sindku tan-Naxxar kif kien talabha tagħmel. Buttigieg ukoll kien sfida lill-Kap Nazzjonalista u ħareġ fl-elezzjoni każwali. Dan għamlu anke jekk Bernard Grech xtaq juża s-siġġu vakat bil-mewt ta’ Arrigo biex idaħħal lil Viċi Kap Alex Perici Calascione fil-Parlament. F’intervista li kien ta lit-Times wara li daħal fil-Parlament, Albert Buttigieg kien ikkonferma li Bernard Grech ma ridux jitfa’ ismu fl-elezzjoni każwali għax qal li staqsih dwar l-intenzjonijiet tiegħu.
Wara li lil Albert Buttigieg ħallih idu f’idu bħalma Bernard Grech ħalla mingħajr portafoll ukoll lid-deputati Mario De Marco, Carm Mifsud Bonnici, u Chris Said, kompliet tikber il-pressjoni fuq il-Kap biex jagħmel reshuffle fix-Shadow Cabinet tiegħu.
Hu mifhum li fost l-ewlenin li qed iżidu l-pressjoni u jiddettaw lill-Kap dwar kif għandu jimxi hemm id-Deputati tal-establishment u l-Blue Heroes, bħal Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina, li tal-ewwel qal fuq ir-radju li kien żball li l-Kap ħalla deputati bla portafoll filwaqt li tal-aħħar baqa’ jżomm is-saħħa f’Shadow Cabinet bit-timbru tal-għaqda Repubblika mmexxija minn ħu Karol Aquilina.