Bernard Grech ammetta li ma jafx il-programm elettorali tiegħu stess.
Dan ammettieh waqt rally fix-Xagħra Għawdex fejn ikkonferma li ma jafx x’hemm imniżżel fid-dokument li suppost juri l-viżjoni tiegħu għat-tmexxija tal-pajjiż.
Fid-diskors tiegħu huwa stqarr li meta jsaqsuh dwar x’se jagħmel huwa jispiċċa jfittex fuq il-mobile.
Grech qal, “Immur fejn immur, dan ma nġorrux miegħi, hawn, dan inġorru biex inġibu hawn biss u fl-uffiċċju biex naqra. Imma immur fejn immur naqbad il-mobile, iwaqqafni anzjan, jgħidli lilna x se tagħmel lilna għal pensjoni tas-servizz? Stenna, search għax il-programm elettorali tagħna qiegħed ukoll diġitali.”
B’politika ankrata fil-passat, Bernard Grech kompla jitkellem dwar il-passat tal-Partit Nazzjonalista.
Hu sostna, “Għaliex anke fil-passat, u iva, il-passat, ejjew inkomplu nkunu kburin bih. Tħallu lil ħadd innessikom il-passat, la l-passat sabiħ, taħt Gvern Nazzjonalista, taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.”
Il-memorja ta’ Bernard Grech hija wkoll waħda selettiva hekk kif bħal donnu nesa għal kollox li l-Partit Nazzjonalista ħalla pajjiż fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Minflok spiċċa jgħid li l-ġid kollu li sar fl-aħħar snin taħt Gvern Laburista, sar biss bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li skontu ħalla sodda mifruxa.
Bernard Grech qal, “Kollha twieldu, kibru u issaħħu u bdejna naqtaw il-frott taħt Gvernijiet Nazzjonalista, u l-Gvern Laburista? Sabhom lesti.”
Bernard Grech ipprova jiżżufjetta wkoll bl-aħbar li l-art fiż-Żonqor mhux ser tkun qed tittieħed bħala parti mill-proġett tal-Università Amerikana f’Malta u se tingħata lin-nies.
Il-Kap Nazzjonalista qal, “Bħal meta qalilna li se jagħti lura liż-Żonqor. Niżel is-Superman hekk bis-soluzzjonijiet”.
Fil-vena li qiegħed iwiegħed kollox huwa spiċċa jgħid li jista’ jwettaq dak kollu li qed iwiegħed għaliex skontu l-Partit Nazzjonalista għandu esperti fuq kollox.
Grech stqarr, “Għandna esperti jifhmu fuq kollox, anke esperti Maltin jew barranin skont il-bżonn.”
Hekk kif kien fil-gżira Għawdxija, l-għada li qal li jħobb jitkellem mal-bdiewa għaliex jiddobba l-ħaxix b’xejn, ma setax jonqos li jgħidilhom kemm iħobb il-ġbejniet.
Hu qal, “Imma mbagħad ibżgħu għalina aktar, meta nkunu turisti hawnhekk, ibżgħu għalina aktar. Mhux għax ma tibżgħux għalina, għax naf kemm tħobbuna, bħal ma nħobbukom aħna. Speċjalment il-ġbejniet tagħkom.”
Fl-istess ġimgħa li rat erba’ deputati Nazzjonalisti jirtiraw f’daqqa l-kandidatura tagħhom, Bernard Grech ipprova jagħti l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud.
Grech spiċċa jgħid li l-kandidati huma magħqudin għaliex jieħdu r-ritratti.
Hu qal hekk: “Tim wieħed, ħarsu lejhom, anke jieħdu ritratti jikkampanjaw flimkien.”