F’Mejju tal-2019, meta saret l-allokazzjoni tal-art fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, li tissemma fl-Inkjesta Pubblika, il-Ministru Miriam Dalli kienet għadha Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista u kienet qed tikkampanja biex terġa’ tiġi ri-eletta fil-Parlament Ewropew. Hija spjegat dan waqt li kienet qed twieġeb lill-midja tal-Partit Nazzjonalista.
B’dan juri biċ-ċar li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma jafx sew il-fatti hekk kif skontu l-Ministru Dalli kellha tirriżenja wkoll.
“Tajjeb niċċara wkoll li fl-2019, meta saret l-allokazzjoni li tissemma fl-Inkjesta Pubblika, jien kont għadni Membru tal-Parlament Ewropew, kont ġejt eletta għat-tieni terminu tal-Parlament Ewropew.”
Il-Ministru Dalli kompliet tispjega li meta hi kienet responsabbli mill-Malta Enterprise daħlu numru ta’ bidliet u konvinta li se jkompli jiżdied iktar xogħol fuqhom.
“Per eżempju li jkun hemm il-ħtieġa ta’ business plan u financial plan, meta jkunu qed jiġu allokati ċertu proġetti, li jkun hemm due diligence fuq l-individwi jew shareholders kollha involuti u b’umiltà l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet li saru u ħa impenn mal-ewwel li jimplimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet.”
Dan bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Sofia, li l-Gvern impenja ruħu li jwettaqhom kollha. Dan anki fost oħrajn bit-twaqqif tas-Sotto-Kumitat tal-Kabinett, li tlaqqa’ l-Ġimgħa u se jmexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni tal-inkjesta pubblika.