Il-Partit Laburista nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, li qatt ma ħallas it-taxxa qabel daħal fil-politika u nqabad, huwa l-uniku li għandu spjegi x’jagħti. Mhux biss minn fejn ġab dak li għandu iżda minn fejn ġab biex ħallas dak li ma ħallasx għal ħafna snin.
Dan wara li l-Ħadd filgħodu f’Birkirkara, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech infexx jattakka lil Prim Ministru fuq rapport fis-Sunday Times li juri t-tweġibiet inekwivoki tal-Prim Ministru dwar dħul mill-ħidma legali tiegħu u t-Times ippubblikat ukoll dokument mill-bank li juri kif il-kontijiet tal-Prim Ministru huma dikjarati li huma tajba.
L-istqarrija wieġbet l-attakk ta’ Bernard Grech li għamel snin twal ma jħallasx it-taxxa u nnutat li l-Kap tal-Oppożizzjoni anke fil-kritika jiġi konfuż. Filli jattakka lil Prim Ministru għax kellu ħafna xogħol u filli jsaqsih x’ħadem.
“Għall-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qatt ma kellu kwistjonijiet mal-awtoritajiet u jista’ jifhem in-nies għax ħadem u ħallas it-taxxa. Għalhekk żamm il-kontijiet u l-prezzijiet stabbli u huwa l-moħħ wara għadd kbir ta’ miżuri soċjali li jgħinu lin-nies. Miżuri li l-Oppożizzjoni dejjem tkun kontrihom”, saħaq il-Partit Laburista.