Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li s-sussidju li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija għandu jieqaf għax skontu mhux sostenibbli.
F’diskors li għamel fil-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem kontra l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern lill-familji u lin-negozji biex il-kontijiet tal-enerġija f’Malta baqgħu stabbli u ma għolewx filwaqt li dawk fil-pajjiżi ġirien tal-Ewropa, splodew ’il fuq.
“Li tibqa’ tissussidja l-enerġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”
Propju s-sostenn tal-Gvern Malti biex żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija kien innutat bħala fattur ewlieni li żamm taħt kontroll l-inflazzjoni, bil-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa għad-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u rrijaferma l-politika ta’ appoġġ u sostenn flimkien mad-direzzjoni favur inċentivi li fiha l-ekonomija Maltija tagħmel il-qalba ambjentali u diġitali.
“Nisma’ l-Kap tal-Oppożizzjoni llum u jgħidlek illi l-pajjiż, qed jistieden lill-Gvern biex jikkunsidra illi l-pajjiż, il-Gvern, inaqqas is-sostenn li qed jagħti lill-familji fil-qasam tal-enerġija. Dik mhijiex se ssir. Aħna qatt ma emmina li dik hija d-direzzjoni t-tajba. Dejjem emmina illi kruċjali li nibqgħu nsostnu fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil sakemm huwa meħtieġ imma parallalment ukoll qed insaħħu l-investiment fir-rinovabbli, inkluż bi proċess li se jkun qed jitnieda biex pajjiżna jkollu installazzjonijiet ta’ pannelli solari u wind farms ’l barra minn xtutna.”