Kien biss Gvern Laburista li neħħa l-libell kriminali. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn ġie nnotat li l-Partit Nazzjonalista kien komdu jħalli għal kwart ta’ seklu meta kien fil-Gvern.
Intqal kif il-Partit Nazzjonalista ħonoq kemm-il darba l-libertajiet ċivili b’għemilu u b’voti li ħa fil-Parlament.
Il-ġurnalisti mhux kuraġġ iridu imma Gvern b’rieda soda li jimplimenta. Gvern Laburista mhux biss kien fuq quddiem fid-diskussjoni dwar id-direttiva Anti-Slapp, imma hu l-ewwel Gvern ta’ Stat Membru Ewropew li daħħal din id-direttiva fil-liġi ta’ pajjiżna.
L-impenn ta’ Gvern Laburista kien rifless ukoll fi tliet abbozzi ta’ liġijiet li jkomplu jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti, li kienu preżentati fil-Parlament fil-bidu ta’ din il-leġislatura, imma ma mxewx ’il quddiem fuq il-premessa li kien hemm min ried ikompli jiddiskuti.
L-appell tal-Partit Laburista dejjem kien u jibqa’ favur l-użu responsabbli tal-libertà tal-espressjoni u mhux kif inhu komdu l-Partit Nazzjonalista li fi ħdanu tirrenja kultura ta’ fake news u jkissru nies u familji b’allegazzjonijiet foloz.
L-akbar eżempju tal-fake news hija l-gidba sfaċċata tal-Partit Nazzjonalista meta qal li l-Ministru tal-Ġustizzja sostna li “Gvern Laburista jrid jerġa’ jdaħħal il-libell kriminali biex il-ġurnalisti u kull min jesprimi ruħu jkun jista’ jintbagħat il-ħabs”.
“Il-Partit Nazzjonalista llum ikkonferma wkoll li Karol Aquilina sar jiddetta l-messaġġ estremist ta’ Bernard Grech”, temm jgħid il-Partit Laburista.