L-apatija kbira li t-tmexxija ta’ Bernard Grech daħħlet fil-Partit Nazzjonalista kienet ikkonfermata l-ġimgħa li għaddiet, meta mid-Dar Ċentrali tħabbret lista ta’ kandidati għall-elezzjoni ġenerali. Grech prova jagħti l-impressjoni falza li dawn il-kandidati huma xhieda tas-suppost tiġdid li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista. Madankollu, il-kandidati kollha mħabbra l-ġimgħa li għaddiet diġà kkontestaw xi darba jew oħra elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista. Għal tnejn minnhom, l-elezzjoni li jmiss se tkun saħansitra l-ħames waħda li se jikkontestaw. Għaldaqstant, osservaturi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li dawn mhuma xejn ħlief kandidaturi riċiklati.
Wieħed mill-kandidati approvati l-ġimgħa li għaddiet huwa s-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat. Muscat diġà kkontesta mingħajr suċċess erba’ elezzjonijiet ġenerali: tal-2008 u tal-2013 fi żmien GonziPN, tal-2017 taħt Simon Busuttil, u l-aħħar elezzjoni tal-2022 taħt Bernard Grech, fejn fuq id-disa’ distrett kiseb 581 vot. L-avukat Errol Cutajar kien ukoll wieħed mill-kandidati approvati l-ġimgħa li għaddiet. Cutajar ikkontesta mingħajr suċċess l-elezzjonijiet ġenerali tal-2017 u tal-2022, fejn fuq it-tielet distrett kiseb 454 vot.
Għall-erba’ kandidati l-oħra – Leone Sciberras, David Pace Ross, Joseph Grech u James Aaron Ellul – l-elezzjoni li jmiss se tkun it-tieni waħda għalihom. Kollha kkontestaw l-aħħar elezzjoni ġenerali mingħajr suċċess. Fl-2022, Sciberras kiseb 208 voti fuq it-tielet distrett, Pace Ross ikkontesta fuq it-tmien distrett fejn kiseb 327 vot, Grech ħareġ fuq il-11-il distrett u ġab 435 vot, filwaqt li Ellul ħareġ fuq l-ewwel distrett fejn kiseb 955 vot.
Is-Sindku tal-Imsida, Charles Selvaggi, huwa kandidat ieħor approvat il-ġimgħa li għaddiet mill-Partit Nazzjonalista. Bħal Noel Muscat, din se tkun il-ħames elezzjoni ġenerali li se jikkontesta – tnejn ma’ GonziPN, waħda ma’ Simon Busuttil u tnejn ma’ Bernard Grech. Fl-erba’ elezzjonijiet li għaddew, ma kienx elett darba. Ikkontesta l-aħħar elezzjoni ġenerali fuq id-disa’ distrett fejn ġab 217-il vot.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista f’Diċembru li għadda kien ħareġ lista oħra ta’ kandidati għall-elezzjoni ġenerali. Fi stqarrija li kien ippubblika, il-Partit Nazzjonalista kien qal illi l-kandidati approvati dakinhar kienu kollha ġodda u li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun l-ewwel waħda għalihom. Jirriżulta, iżda, li din hija gidba.
Wieħed mill-kandidati li l-Partit Nazzjonalista approva f’Diċembru, l-avukat Duncan Borg Myatt, diġà kkontesta elezzjoni ġenerali iktar minn għoxrin sena ilu, fl-2003, meta kien għad hemm Eddie Fenech Adami bħala Kap Nazzjonalista. Borg Myatt kien ħareġ fuq ir-raba’ distrett, minn fejn kien kiseb 260 vot.
Fl-istess ħin, għal tnejn mill-kandidati approvati f’Diċembru – Dione Borg u Norma Camilleri – l-elezzjoni ġenerali mhix se tkun l-ewwel waħda bħala kandidati mal-Partit Nazzjonalista, għaliex diġà kkontestaw l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-2019 u fl-2024 rispettivament. It-tnejn kienu kisbu ftit iktar minn elf vot.
Il-listi ta’ kandidati mħabbra f’Diċembru u l-ġimgħa li għaddiet ikkonfermaw id-diffikultajiet qawwija li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iħabbat wiċċu magħhom sabiex jispira fiduċja u jsib kandidati ta’ kwalità u li verament ikunu ġodda. Dawn il-listi kixfu wkoll kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech qiegħed bil-fatti jħares lura minflok ’il quddiem.
L-għażla ta’ iktar kandidati Nazzjonalisti issa se taqa’ f’ħoġor Charles Bonello, meta fi żmien qasir se jinħatar Segretarju Ġenerali f’tellieqa miegħu nnifsu. Taħt Bonello, li kien is-Segretarju Privat ta’ Lawrence Gonzi qabel l-2013 u li għadu sal-lum jokkupa dil-kariga, se tikber il-pressjoni sabiex il-klikka ta’ GonziPN fid-Dar Ċentrali tkompli tissaħħaħ u tiddetta dak li l-Partit Nazzjonalista għandu jgħid u jagħmel.
Bonello nnifsu kien kandidat fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 fuq il-lista ta’ Simon Busuttil iżda ma kienx elett.