F’intervista ta’ nofs siegħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech infexx f’attakk fuq min ġie għal ilsienu u anki tefa’ d-dubji fuq is-sewwa magħruf.
Il-Kap Nazzjonalista spiċċa jitfa’ dubji jekk hux veru kien hemm il-konkos difettuż fl-isptar Mater Dei.
F’Mater Dei rriżulta li kien hemm konkos difettuż meta Gvern Laburista ried ikabbar l-isptar billi anki jibni sulari ġodda fuq l-Emerġenza iżda rriżulta li jeħtieġ spejjeż ġodda għax il-konkos li bniet Skanska, il-kumpanija li qabbad Gvern Nazzjonalista, kien difettuż.
Il-Gvern Laburista ried ifittex lil Skanska għad-danni ta’ xogħol li ma twettaqx sew iżda Gvern Nazzjonalista kien għamel waiver li biha l-Gvern ma setax ifittex lil Skanska anki jekk għamlet xogħol ħażin.
Skanska, li l-avukat tagħha kien id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, hija l-kumpanija li kawża tagħha kellhom jinħarġu mal-mija ħamsin miljun ewro minn flus il-poplu biex jitranġa l-konkos difettuż li Bernard Grech issa qed jitfa’ d-dubji fuqu filwaqt li fil-ġimgħat li għaddew iddefenda l-waiver li kien ta GonziPN.
Fl-istess intervista, Bernard Grech infexx jattakka lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, f’ġimgħa fejn ingħataw żewġ rulings li ma għoġbuhx u telaq ’il barra mill-Parlament biex l-Oppożizzjoni lanqas ħadet sehem fid-dibattitu dwar emenda fil-liġi dwar vjolenza domestika.
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal “Għalhekk ivvutajna kontra li jerġa’ jinħatar hu Speaker u jkompli jikkonferma kuljum illi le mhux qiegħed għal-livell li jixraqlu”
Il-ġurnalist imbagħad staqsieh ir-raġuni għala Bernard Grech ħareġ kontra n-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika meta fil-fatt kien ġa qabel dwar in-nomina iżda ġie mġiegħel jmur lura minn kliemu mill-establishment Nazzjonalista.
Kevin Schembri Orland qal “You just mentioned the Standards Commissioner. The PN was against Judge Joseph Azzopardi being made the Standards Commissioner. But the party didn’t say really say why.”
Bernard Grech baqa’ ma tax tweġiba għal din il-mistoqsija, iżda bħal ma dejjem jagħmel ma’ min ma jaqbilx miegħu, kompla jattakka persuna li jokkupa kariga f’istituzzjoni tant importanti ta’ skrutinju għall-politiċi li waqqaf Gvern Laburista.
Bernard Grech qal “Kemm Joe Azzopardi mhuwiex idoneju għal dan l-irwol.”