Bernard Grech qed isejjaħ lid-deputati tiegħu sabiex jiżvoga magħhom wiċċ imb wiċċ. Dan f’ġimgħa ta’ tensjoni kbira fid-Dar Ċentrali fid-dawl tal-aħbarijiet ħżiena li kontinwament qed jieħu l-Partit Nazzjonalista fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Hekk irrappurtat il-gazzetta KullĦadd li spjegat kif f’din il-laqgħa Bernard Grech tefa’ t-tort fuq id-deputati tiegħu li qalilhom li hu qed ikollu jerfa’ l-piż tad-deċiżjonijiet tagħhom filwaqt li huma qed joħonqu d-deċiżjonijiet li jagħmlu wħud minn ta’ madwarhom.
Dawn l-akkużi waslu għal laqgħa taħraq fejn fiha lil Bernard Grech qalulu li hu u t-tmexxija tiegħu biss huma l-kawża ta’ dawn id-diżappunti.
Madankollu Bernard Grech ma qgħadx għal dan u qalilhom li mhux ser ikun hu li jerfa’ l-piż kollu ta’ telfa elettorali waħdu.
Il-gazzetta kompliet tirrapporta kif Grech qalilhom li jekk ma jsibx l-appoġġ li jrid mid-deputati tiegħu ser jikxef pubblikament l-ismijiet tad-deputati li skontu qed jagħmlulu l-ħsara.
Iżda din il-laqgħa ta’ Grech ukoll tixhed inċertezza kbira li għandu l-kap Nazzjonalista. Dan hekk kif il-pariri li qed jingħata minn dawk ta’ madwaru huma kunfliġġenti wkoll. Uħud qed jgħidulu li la baxxa rasu quddiem il-grupp u ħallieha tgħaddi tagħhom fuq il-liġi tal-kannabis issa jrid jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn. Madankollu oħrajn qed jgħidulu li mhux aċċettabbli li jħalliha għaddejja lixxa wara li umiljawh b’pożizzjoni li ma taqbilx ma’ dikjarazzjonijiet pubbliċi li diġà kien għamel.
L-artiklu jagħti ħarsa lejn dawk li fl-aħħar jiem ikkritikaw lill-Kap Nazzjonalista. Fost dawn hemm l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon li fi kliemu spjega li hemm mexxej fi ħdan il-Partit Nazzjonalista iżda dan mhux Bernard Grech.
Saħansitra l-Akkademiku George Vital Zammit fuq il-programm Xtra qal kif wasal iż-żmien li Grech jerġa’ jsejjaħ Kunsill Ġenerali u wara li jitfa’ l-ideat tiegħu kollha fuq il-mejda jitlob vot ta’ fiduċja fih innifsu.
L-Opinjonista Raphael Vassallo wkoll qal kif fil-Partit Nazzjonalista bħal donnu hemm manwal ta’ kif tispara f’saqajk. Dan hekk kif qal li bil-ħatra ta’ Bernard Grech bħala Kap il-Partit spiċċa qed isib skużi ġodda biex jitqatta’ biċċiet flok jingħaqad.
L-Akkademiku Mario Thomas Vassallo wkoll ma tantx dam jogħmodha dwar il-qasma fil-Partit Nazzjonalista hekk kif stqarr li l-problema hija li l-Partit maqsum ideoloġikament. “Toqgħodux tgħidu mrewħa jew mużajk, għax il-mużajk kollu xquq u hemm konsenturi hemm”, qal Vassallo.
L-artiklu temm jirrapporta kif sorsi mid-dar ċentrali qalu kif dawn id-dikjarazzjonijiet u oħrajn min-nies tradizzjonalment Nazzjonalisti ma niżlu tajjeb xejn mal-Kap Bernard Grech u ta’ madwaru. Dan filwaqt li hemm dubji serji li min qed jitħallas l-eluf mill-Partit qed juża l-kuntatti u r-riżorsi li għandu sabiex jagħti ċertu daqqiet.