Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien skorrett meta ġie biex jikkritika lil Gvern dwar l-edukazzjoni u spiċċa wera kemm ma kienx jaf x’investiment sar f’dan is-settur.
Grech għamel dan waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali it-Tlieta filgħodu hekk kif qal li l-Gvern bena biss skola waħda.
Huwa qal: “Ma jistax ikollok li f’7 snin tinfetaħ skola waħda.”
B’din id-dikjarazzjoni Bernard Grech ħeba jew ma kienx jaf bil-fatt li f’dawn l-aħħar seba’ snin, il-Gvern ħa ħsieb li jibni u jirrinova numru kbir ta’ skejjel għall-istudenti Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt dawn jinkludu l-iskola nazzjonali tal-isports f’Pembroke, l-iskola primarja ġdida tal-Qawra u skola ġdida f’Marsaskala b’investiment ta’ madwar €6 miljun.
Intant tul l-intervista Bernard Grech waqa’ wkoll għat-theddid ta’ Manuel Delia.
Meta kien mistoqsi fuq kliem Manuel Delia fejn qal lil Grech biex ma jgħaxxaqhiex inkella jsibu lil ħaddieħor, il-Kap Nazzjonalista qal li mhux se jitlef dan iċ-ċans.
Minkejja li hu mdawwar b’nies bħal Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Chris Said, Grech qal li ma jappartjeni ma ebda fazzjoni.
Meta kien mistoqsi: “Bernard Grech ta’ liema fazzjoni hu għax diġà kien hemm min qallek “Isma għandek dan iċ-ċans, titilfux.”
Grech wieġeb: “Mhux se nitilfu. Ma hemm ebda fazzjoni li jien nappartjeni għaliha.”
Fid-dawl ta’ bosta riżenji fil-Partit Nazzjonalista mindu ħa t-tmun tal-Partit, Grech qal li l-Partit jidher li mhux dixxiplinat sabiex jaħbi t-tnawwir li hemm fi ħdanu.
Grech stqarr: “Forsi l-Partit Nazzjonlista għadna mhux daqshekk dixxiplinati li naħbu t-tnawwir li jista’ jkun hemm.”
Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 hawn Malta, Bernard Grech qal li l-Gvern ma investiex biżżejjed fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Dan għall-kuntrarju ta’ dak li tgħid statistika tal-Eurostat hekk kif qalet li fl-2017 biss Malta kellha fost l-ogħla nefqa fil-qasam tas-saħħa mill-Ewropa kollha.
Grech tenna: “Dan huwa tort tan-nuqqas ta’ investiment.”
Dwar ix-xandir f’pajjiżna Bernard Grech qal li l-Gvern ukoll mhuwiex qed jgħin. Dan minkejja wkoll kif tul il-pandemija, il-Gvern ħa ħsieb li jagħti sostenn finanzjarju lill-istazzjonijiet kollha f’pajjiżna.
Grech sostna: “Anke l-gazzetti, anke l-media houses qed ibatu minħabba l-pandemija u m’aħniex ngħinuhom kif suppost.”
Intant minkejja t-tifħir anke minn anke minn esperti internazzjonali dwar il-mod ta’ kif il-Gvern ħa ħsieb in-negozji u l-impjiegi, Bernard Grech reġa’ kien negattiv u nfexx jattakka lil Prim Ministru.
Huwa qal: “Jidher ċar li l-Prim Ministru mhux qed jara l-interessi veri tiegħek.”