Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech xehed fil-Qorti fil-kawża dwar l-inċident, li jikkonċernah personalment, wara li ma tħalliex jidħol fil-Każin tal-partit tiegħu stess fil-Ħamrun waqt il-marċ ta’ San Gejtanu f’Awwissu li għadda.
Dwar dan il-każ, li fih spiċċa weġġa’ Noel Mifsud Bonnici, tant li kellu jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei u jiġi operat f’irkopptu, il-Kap Nazzjonalista baqa’ sieket għal bosta xhur.
It-Tlieta fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, Bernard Grech qal li hu żar il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun flimkien ma’ martu, ix-xufier u grupp ta’ partitarji Nazzjonalisti.
Taħt ġurament qal li, meta wasal quddiem il-każin, kelmu ċertu Manwel, b’referenza għal Manuel Attard, li kif żvela ONE News hu l-barman responsabbli tal-każin. Grech qal li Attard deher sorpriż bil-preżenza tiegħu quddiem il-każin.
Dan jikkontradixxi dak li qal taħt ġurament l-istess vittma Noel Mifsud Bonnici, li f’Settembru li għadda, kien xehed fil-Qorti li d-Deputata Paula Mifsud Bonnici kienet diġà avżat lill-barman li aktar tard kien ġej il-Kap.
Sadanittant Bernard Grech kompla jgħid li, waqt li hu ma tħalliex jidħol fil-każin tal-Partit Nazzjonalista stess, xi persuni bdew jipprotestaw dwar dan. Hawnhekk qal li hu u l-grupp li kellu miegħu mxew lil hemm u appena mxew ftit metri, semgħu l-għajjat u raw lil Noel Mifsud Bonnici midrub fl-art.
Bernard Grech qal li kellem lill-vittma meta kien mal-art.
Dwar dan il-każ, qraba ta’ Mifsud Bonnici kienu ddikjaraw pubblikament li dan kien ġie abbandunat minn Grech, waqt li serva bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju.
Meta Grech ġie mistoqsi mill-Maġistrat dwar dak li ntqal bejn l-allegat vittma u l-barman tal-każin, hu wieġeb li kien hemm ħafna kummenti, iżda ma jistax jiftakar eżatt xi nqtal u minn min.
Fil-Qorti xehed ukoll partitarju Nazzjonalista, Jesmond Cremona, li dakinhar kien mal-Kap Bernard Grech. Hu qal li, barra l-każin, il-grupp intlaqa’ minn raġel kbir fid-daqs u bil-qargħa, b’referenza wkoll għal Manuel Attard.
Xehed li n-nies bdew deħlin u ħerġin u, f’daqqa waħda, kien hemm kommossjoni kbira u n-nies bdew jimbottaw.
Qal li meta s-sitwazzjoni kkalmat, hu staqsa għaliex il-Kap Nazzjonalista ma tħalliex jidħol fil-każin tal-partit tiegħu stess. Hu qal li kien hemm mara b’xagħarha iswed li qalet “le, illum mhux se tidħlu, morru x’imkien ieħor!”.
Imbagħad xehed li hemmhekk xi ħadd qallu li xi ħadd mill-grupp kien jinsab mal-art. Qal li sab lil Mifsud Bonnici mal-art, jgħajjat bl-ugigħ f’irkopptu. Cremona xehed li Mifsud Bonnici qal li xi ħadd tah daqqiet ta’ sieq fl-irkoppa, iżda ma kienx jaf min.
Dwar dan, Mifsud Bonnici nnifsu kien identifika lil Andrew Attard, li jinsab mixli fil-Qorti, bħala wieħed minn tnejn li kienu aggredewh meta xehed fl-istess kawża f’Settembru li għadda.
Sadanittant, fis-seduta tat-Tlieta, xehed ukoll Norman Cremona, li hu x-xufier u l-uffiċjal tas-sigurtà tal-Kap Nazzjonalista, li saħaq li l-kommossjoni ġrat fi ftit sekondi wara li l-Kap ma tħalliex jidħol fil-Każin, iżda hu kien iffokat fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u f’daqqa waħda ra lil xi ħadd mal-art.
Andrew Attard ta’ 48 sena mill-Ħamrun, li jinsab mixli fil-kawża b’din l-aggressjoni fuq Noel Mifsud Bonnici, wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.