Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li d-deputati fil-Parlament, fosthom tal-Gvern, għandhom jivvutaw kontra l-Budget għas-sena d-dieħla.
Bernard Grech qal dan is-Sibt filgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet u li fiha ta dan il-parir.
Qal, “U allura l-parir tiegħi huwa dak li se nagħmlu aħna, aħna m’aħniex se nivvutaw favur Budget.”
B’din l-istqarrija, il-Kap Nazzjonalista kompla mat-tmaqdir tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Budget għas-sena d-dieħla, hekk kif huwa kien sejjaħlu Budget tal-ħela u fl-arja.
Qal, “Arja sħuna ngħidilha jien. Arja li ma tfisser xejn. L-ingliżi jgħidu ‘hot air’. Hot air għax l-arja sħuna titla’ ’l fuq waħidha.”
Il-Budget għas-sena d-dieħla li tħabbar kważi xahar ilu, ġie mfaħħar mill-imsieħba soċjali kollha u sejħulu bħala Budget soċjali u ambjentali.
Anki l-ġurnali indipendenti u oħrajn għajr dak il-Partit Nazzjonalista fissru l-Budget bħala wieħed tajjeb.
Dan partikolarment għall-inċentivi favur in-negozji u l-ambjent u żieda oħra lill-pensjonanti u tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tal-ħaddiema.