Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech talab lill-Kunsill Amministrattiv tal-partit biex jirtira l-ftuħ ta’ proċeduri interni kontra l-eks Kap Simon Busuttil dwar Egrant.
Dan ikkonfermah il-Partit Nazzjonalista stess fi stqarrija fejn qal li tneħħa kull ħsieb li tibda xi proċedura kontra Simon Busuttil fuq talba tal-Kap Bernard Grech.
Fl-istqarrija saħansitra, il-partit immexxi minn Bernard Grech irringrazzja lil Simon Busuttil.
Meta kienu ħarġu l-konklużjonijiet dwar il-gidba Egrant, l-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista kien ħareġ itenni l-pożizzjoni inizzjali ta’ Adrian Delia, li dak iż-żmien kien Kap tal-partit.
Oriġinarjament Delia kien wera l-bieb ta’ barra lil Simon Busuttil wara li dan tal-aħħar kien bena kampanja mimlija kalunji u attakki personali kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar Egrant.
F’inkjesta ta’ elf u erba’ mitt paġna, dak iż-żmien il-Maġistrat Inkwirenti Aaron Bugeja, kien ikkonkluda b’mod ċar u inekwivoku li l-allegazzjoni li l-kumpanija Egrant hija ta’ mart Dr Muscat kienet gidba u saħansitra anki tressqu provi foloz billi anki wasslu quddiem il-Maġistrat, firem foloz.
Ilbieraħ, f’laqgħa tal-amministrattiv, Bernard Grech innifsu talab biex titneħħa kull referenza għall-proċeduri fil-partit kontra Simon Busuttil.
Grech kien appoġġjat mill-fazzjoni Busuttil biex sar Kap f’Ottubru li għadda.
Għalkemm Adrian Delia kien inizjalment talab biex Simon Busuttil iwarrab wara li dan għamel kampanja bbażata fuq il-gideb, Delia ffaċċja l-ewwel rivolta interna mid-deputati Nazzjonalisti.
Bosta deputati Nazzjonalisti, ewlenin tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, fosthom Jason Azzopardi, Karol Aquilina u anki Beppe Fenech Adami kienu ħarġu minnufih jaqbżu għal Simon Busuttil u ppubblikaw il-messaġġ ‘Not in my name’.
Dakinhar kienu sostnew fil-miftuħ li mhux jaqblu ma’ Delia li Simon Busuttil kellu jwarrab.
Busuttil qatt ma ċeda u baqa’ anki fil-grupp parlamentari u Delia kellu jdoqq l-irtirata u żamm lil Busuttil, sakemm dan mar Brussell assistent ta’ Manfred Weber.