Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tilef ilment li ressaq quddiem l-Awtorità tax-Xandir fejn akkuża lill-istazzjon nazzjonali bi żbilanċ waqt intervista li xxandret fit-22 ta’ Jannar li għadda fil-programm Insights tal-ġurnalist Glen Falzon.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-bord indipendenti tal-Awtorità tax-Xandir qal li l-ilment tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma ntlaqax.
Dwar l-ilment ta’ Bernard Grech fuq il-mistoqsijiet li sarulu, l-Awtorità ħasset li mhux l-irwol tagħha li tindika liema għandhom ikunu t-temi tal-mistoqsijiet li għandu jsaqsi l-ġurnalist u wisq inqas kif għandhom isiru l-mistoqsijiet, sakemm dawn isiru b’mod ġust u b’rispett.
Irrimarkat li l-ġurnalist għandu d-dritt li jagħmel il-mistoqsijiet anke jekk min qed jiġi intervistat jista’ jkun skomdu għal dak mistoqsi.
Għall-argument ta’ Bernard Grech fuq nuqqas ta’ imparzjalità fl-isfond li ġimgħa qabel il-Prim Ministru kien intervistat fuq l-istess programm, l-Awtorità tax-Xandir saħqet li l-istazzjon nazzjonali ta l-istess pjattaforma, b’ħin ugwali għaż-żewġ mexxejja politiċi.
Dakinhar tal-programm fejn ġie intervistat Bernard Grech, il-Kap Nazzjonalista deher evidentament skomdu jwieġeb il-mistoqsijiet li bdew isirulu mill-ġurnalist.
Fil-fatt Bernard Grech attakka lill-ġurnalist waqt il-programm billi talab lill-ġurnalisti jkunu maturi.
F’mumenti minnhom, Bernard Grech spiċċa anki jipponta subgħajh u jsabbat fuq il-mejda.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/26/il-pl-jghid-li-d-decizjoni-tal-awtorita-tax-xandir-tikkonferma-l-arroganza-ta-grech/