Bernard Grech tefa’ n-nomina għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa mar jitfa’ n-nomina wara li ma ppubblikax ir-rapport ta’ due diligence li għamel il-Partit Nazzjonalista dwaru.
F’kummenti li ta wara li preżenta n-nomina, Bernard Grech semma l-ġbir tal-flus li ġabar permezz tal-kampanja li għamel imsejħa ‘crowdfunding’.
Il-Partit Laburista, permezz tal-whip Glenn Bedingfield u l-avukat Andy Ellul sejjaħ il-proċess ta’ due diligence bħala wieħed superfiċjali u talab biex dan ir-rapport li suppost għarbel lil Bernard Grech u lil Adrian Delia jiġi ppubblikat.
Il-Partit Laburista kien saħaq li fil-verament ma hemmx għażla bejn Bernard Grech u Adrian Delia.
Intqal li s-suppost eżerċizzju ta’ diliġenza, minflok wera standards ta’ trasparenza, wera segretezza hekk kif inżamm kollox mistur fil-konfront taż-żewġ kandidati.
Intant id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa fost l-esponenti ewlenin mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li qed jimmuntaw il-kampanja ta’ Bernard Grech, qal li mhux min-naħa ta’ Grech li r-rapport ta’ due diligence għadu ma ġiex ippubblikat.
Dan f’botta ċara lejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia hekk kif il-ġlieda bejn iż-żewġ fazzjonijiet kompliet tiħrax biex xi ħadd minnhom jikseb ir-riedni tal-Partit Nazzjonalista.
Id-dellijiet fuq iż-żewġ kandidati ħarġu fil-beraħ, b’tal-aħħar kienet is-saga tat-taxxa u tal-VAT dwar Bernard Grech.
Fil-fatt Bernard Grech, li issa huwa uffiċjalment kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li mar jippreżenta n-nomina mingħajr ma ġie ppubblikat ir-rapport ta’ due diligence fuqu, kien naqas iħallas eluf kbar ta’ ewro f’taxxa u f’VAT.
Saħansitra kien hemm ċertu pendenzi fi ħlasijiet li jmorru lura għal disa’ snin ilu.