Bernard Grech tefa’ n-nomina tiegħu biex jibqa’ sorġut fuq is-siġġu tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan għamlu minkejja li, taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit sofra l-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Evidentement iffukat biss fuq kif se jżomm is-siġġu tal-poter fil-partit wara li l-poplu rrifjutah fl-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech qed jara kif ibeżża’ lil kull min jista’ jkun qed jaħsibha biex joħroġlu għan-nofs u jtellaq miegħu għat-tmexxija tal-partit.
Il-Ħadd li għadda, f’diskors li għamel fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech għażel li jipprova jgerrex u jaqta’ qalb lil dawk li qed jitħajru jitfgħu n-nomina f’din l-elezzjoni. Huwa żvela pubblikament li l-Partit Nazzjonalista għandu 32 miljun ewro f’dejn u li għalhekk bħalissa l-partit m’għandux il-likwidità finanzjarja biex jagħmel kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali sentejn u nofs oħra.
Madankollu, għal dawn il-problemi li qed jaffaċċja l-Partit, Bernard Grech beda jwaħħal f’kulħadd u fl-ebda mument ma assuma xi parti mir-responsabilità.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil One News li għalkemm il-Partit Nazzjonalista ilu jaffaċċja problemi finanzjarji kbar, tul it-tmexxija ta’ Bernard Grech id-dejn żdied b’mod konsistenti. Madankollu, issa tefa’ t-tort fuq l-istazzjon tal-midja tal-Partit Nazzjonalista. Din id-dikjarazzjoni tefgħet lill-ħaddiema tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista f’limbu wara li Bernard Grech tefgħalhom dubji serji dwar il-futur u s-sigurtà tal-impjieg tagħhom.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-programm Xtra fuq l-istazzjon nazzjonali, Bernard Grech stqarr li se jkun hemm min ibati għall-ġid tal-Partit; tbatija li rrefera għaliha bħala ‘barxa’.
Qal, “Kulħadd, però, irid jifhem li jekk se jkollu barxa irid jgħid li ‘jien din il-barxa irrid neħodha għall-ġid tal-Partit biex jien nimxi ’l quddiem’.”
Min-naħa l-oħra, Bernard Grech fl-ebda mument għadu ma semma li hu stess se jkun qed isofri xi tip ta’ “barxa”. Dan bl-istess mod li ma sofrewx brix l-eks strateġista tiegħu, Christian Peregin, u l-id il-leminija tiegħu, Ray Bezzina.
Fost l-oħrajn ġie rrappurtat kif, fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien diġà qed isofri minn problemi finanzjarji kbar, Peregin kien qed jaqla’ paga ta’ iżjed minn €60,000.
Iżda għal dawn l-iżbalji, li komplew iżidu l-piż fuq il-qagħda finanzjarja tal-Partit, Bernard Grech issa se jkun qed ibigħ dak li ħadmu għalih b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċju l-partitarji Nazzjonalisti fil-passat filwaqt li jgħalaq is-sors ta’ għajxien għall-ħaddiema tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista u l-familji tagħhom.
Qal, “Ebda kap ma jrid jew ma jixtieq li jbigħ każin, l-ebda kap ma jixtieq li joħroġ mid-Dar Ċentrali, l-ebda kap ma jrid iċedi l-midja tagħna.”