Il-farsa ta’ Bernard Grech dwar il-kannabis ġibdet l-attenzjoni għar-raġunijiet ħżiena. Dan hekk kif bosta qed iqisuha bħala paprata oħra tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech. Fil-fatt l-editorjal tal-gazzetta the Malta Independent tat-Tnejn iddeskriviet hekk id-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Fil-fatt l-editorjal jgħid kif il-mod ta’ kif il-Partit Nazzjonalista aġixxa tul id-diskussjoni li qamet dwar ir-riforma fil-liġi tal-kannabis kien wieħed stramb u kaotiku.
L-editorjal jinnota minnufih kif il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista waslet sitt xhur wara l-konsultazzjoni li l-Gvern għamel fuq il-White Paper li ppreżenta. Hawnhekk l-artiklu jfakkar ukoll fid-dikjarazzjonijiet deskritti bħala strambi, li kien għamel Bernard Grech meta deher ma jafx li l-Gvern ippreżenta White Paper.
Grech stqarr: “Mhux kif għamel dan il-Gvern rigward il-kannabis, lanqas White Paper ma ħareġ.”
Il-gazzetta kompliet tinnota kif wara sitt xhur jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jieħu ż-żmien tiegħu biex jifforma l-pożizzjoni, wieħed kien jistenna ftit iktar minn stqarrija ta’ 214-il kelma bbażata fuq idea li llum ilha żmien li ġiet imxejna għalkollox.
L-Independent innotat ukoll kif il-Partit Nazzjonalista kiser il-prassi tiegħu stess hekk kif fuq din il-materja ta’ importanza, l-eżekuttiv ma kienx ikkonsultat qabel ittieħdet il-pożizzjoni. Hawnhekk l-editorjal jgħid kif din hija turija ċara ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista lanqas fi ħdanu mhu kapaċi jikkonsulta u għalhekk titfa’ dubji serji fuq kemm għamel konsultazzjoni mal-partijiet interessati minn barra l-partit.
Din l-aħbar kienet irrappurtata fl-Independent tal-Ħadd fejn intqal kif membri tal-eżekuttiv jinsabu rrabjati għall-mod ta’ kif ma ngħatawx widen dwar din il-materja u twarrbu kompletament.
Il-gazzetta qalet kif dwar riforma li Bernard Grech ried jieħu l-mertu hu, sa xahar wara issa qed jieħu pożizzjoni kontriha. Hawnhekk l-editorjal jgħid kif l-istqarrija li ħareġ il-Partit Laburista b’reazzjoni għal dan il-punt kienet waħda li laqtet il-musmar fuq rasu hekk kif dawk li għamel Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista dwar il-kannabis kienet konfużjoni sħiħa.
F’artiklu fuq il-faċċata tal-gazzetta l-ġurnalist Albert Galea wkoll kiteb kif il-‘working group’ dwar il-kannabis fi ħdan l-istess Partit spiċċa ridott għal wieħed pwerili minħabba l-ġlied li kien hemm fih. Fl-istess artiklu ġie rrapportat kif sorsi spjegaw li dan il-grupp kien magħmul min-nies ta’ fehma opposta u estrema dwar is-suġġett u għalhekk qatt ma seta’ jintlaħaq qbil. Għalhekk il-ballun waqa’ f’saqajn il-Grupp Parlamentari. Il-gazzetta rrapportat kif fost id-deputat li kienu jagħmlu parti minn dan il-working group hemm Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Karl Gouder, Stephen Spiteri u Therese Comodini Cachia. Il-Ħadd f’artiklu fuq il-Maltatoday ġie rrappurtat kif Karl Gouder u Therese Comodini Cachia lanqas biss attendew għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari filwaqt li Claudette Buttigieg lagħbet gallarija u qalet li ser tkun qed tappoġġja d-deċiżjoni tal-maġġoranza tad-deputati.
L-istess artiklu kompla jirrapporta kif iż-żgħażagħ li jimmilitaw fil-partit Nazzjonalista wkoll jinsabu urtati b’din il-pożizzjoni konservattiva.