Bernard Grech spiċċa irringrazzja lil persuna li tokkupa l-kariga ta’ President ta’ kumitat sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista, li wara li ġiet attakkata għaliex kienet tappoġġja l-eks Kap Adrian Delia hija tefgħet ir-riżenja tagħha.
Minflok ikkuntatjaha biex jisma’ u jsewwi l-weġgħat ta’ din l-attivista Nazzjonalista huwa spiċċa jgħidilha kif l-ittra ta’ riżenja tagħha timlih b’kuraġġ kbir.
Fl-ittra li ppubblika Simon Mercieca fuq il-blog tiegħu, il-President ta’ kumitat sezzjonali turi l-weġgħa tagħha wara li stqarret kif kunsillier Nazzjonalista gideb fuqha minħabba li fit-tellieqa għal Kap, iż-żiemel tagħha kien Adrian Delia.
Fl-ittra qalet kif għalkemm iż-żiemel tagħha spiċċa ttajjar minn kap hija xorta waħda ppruvat tkompli taħdem.
Qalet li filwaqt li qatt ma stenniet li tkun apprezzata, mhux ser tittollera arroganza u gideb fil-konfront tagħha. Fl-ittra ta’ riżenja kompliet tgħid kif m’hemmx għalfejn Nazzjonalisti jkunu mkasbra mill-Partit li jappoġjaw.
Fl-ittra indirizzata lil Grech hija qaltlu li tinsab disposta li tgħidlu għaliex nies bħalha qed jabbandunaw il-partit u jwarrbu.
Iżda għal din l-ittra r-risposta ta’ Grech mhux talli waslet tard, kif ammetta hu stess iżda talli rringrazzja lill-President ta’ kumitat sezzjonali tiegħu li rriżenjat u qalilha kif ittri bħal dawn jimlewh b’kuraġġ kbir.
Din ir-reazzjoni hija sinonima ħafna mal-indifferenza ta’ Grech għall-irtirar ta’ disa’ kandidati Nazzjonalisti mill-elezzjoni tal-kumitati lura f’Jannar li għadda. Dan wara li ġew imkasbra minħabba li urew l-appoġġ tagħhom lil Adrian Delia fit-tellieqa għal Kap.
Iżda din ir-riżenja ta’ wħud minn fosthom ftit li xejn ħarket lil establishment Nazzjonalista, b’Beppe Fenech Adami jgħidilna kif bihom u mingħajrhom kollox jibqa’ għaddej.