Il-Ħadd filgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech spiċċa jirrepeti kliem Simon Busuttil meta infexx f’attakk baraxx kontra l-Laburisti, b’mod partikolari kontra l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan filwaqt li kien qed jindirizza l-emendi fl-inkjesti maġisterjali, emendi li se jaraw riformi fl-inkjesti sabiex jinqata’ l-abbuż minn dawk li l-ġustizzja jużawha għall-gwadann politiku u qed jirrovinaw ħajjet nies onesti iżda mhux li jiġi mċaħħad id-dritt tan-nies li jitolbu inkjesti.
“Għandu Gvern u qed imexxi Gvern ta’ kriminali.”
BERNARD GRECH
Dan hu eku ta’ dak li qal l-eks Kap Simon Busuttil waqt protesta tal-għaqda Repubblika il-Ħamis filgħaxija, konferma li Bernard Grech jgħid li jordnawlu fosthom tal-għaqda Repubblika, il-fazzjoni estremista fil-Partit Nazzjonalista.
“Il-Partit Laburista llum sar refuġju għall-politiċi kriminali. Jagħti kenn lill-politiċi kriminali.”
SIMON BUSUTTIL
Fl-istess intervista, Grech mhux biss ikkwota lill-eks Kap Nazzjonalista, iżda kkwota wkoll lil Robert Aquilina, il-President Onorarju ta’ Repubblika, u kien hawn li elenka li la lilu, u l-anqas il-PN, ma jikkontrollahom ħadd.
“U mhux se nħalluk.”
BERNARD GRECH
Dan hu eku wkoll ta’ Robert Aquilina, meta quddiem id-Depot il-Ħamis filgħodu, meta nfexx f’attakk fuq il-Maġistrat Nadine Sant Lia u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
“Meta jrid jista’ jibgħat għalija. Jibgħat għalija, kemm irid għaliex mingħandi mhux se jkun jaf assolutament xejn. Mingħandi mhu se jikseb l-ebda informazzjoni.”
ROBERT AQUILINA
Fl-istess intervista, Grech kritika lill-Gvern li ħareġ bil-Labour Migration Policy, politika bil-prinċipju Maltin l-ewwel fis-settur tax-xogħol.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrepeta s-soluzzjoni tiegħu, dik li ssir sempliċiment konferenza.
“Hemm bżonn li nagħmlu konferenza nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni f’pajjiżna.”
BERNARD GRECH
Din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista permezz tad-Deputat Ivan Castillo ħareġ kontra ż-żieda fil-prezz minn €300 għal €600 għall-permess ta’ ngaġġ ta’ ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi.
“Illi inti tgħolli b’mod across the board is-600 ewro bħala registration għal work permit forsi meta inti jkollok jew skills partikolari.”
IVAN CASTILLO