Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq il-ħames u l-ħdax-il distrett elettorali. Dan irrapportah il-ġurnal The Times wara li d-distretti tal-Partit Nazzjonalista ġew deċiża l-Erbgħa filgħaxija.
Il-ħames distrett elettorali jinkludi Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, Ħal Farruġ, parti minn Ħal Luqa, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq, u minnu l-Partit Nazzjonalista kien eleġġa żewġ membri Parlamentari: Toni Bezzina u Hermann Schiavone. Tliet snin ilu, Schiavone kien ikkampanja għal Adrian Delia biex jiġi elett Kap u kien meqjusa bħala persuna ta’ fiduċja u leali lejn Delia, tant li kien hu li mexxielu l-kampanja. Iżda mbagħad dar kollox u sfiduċja lil Adrian Delia.
Fil-fatt mill-kamp ta’ Delia, Schiavone ġie mlaqqam bħala traditor hekk kif dar għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Min-naħa l-oħra, Toni Bezzina huwa meqjus bħala deputat leali lejn Adrian Delia, tant li meta kien hemm il-voti ta’ sfiduċja, Bezzina żamm ma’ Delia.
Il-11-il distrett jinkludi l-Imdina, Ħ’Attard, il-Mosta u Burmarrad. Minn hawn, kienu telgħu l-Membri Parlamentari Maria Deguara, David Agius, Edwin Vassallo, u Ivan Bartolo.
Minn dawn l-erbgħa, tlieta minnhom huma meqjusa li kienu favur Adrian Delia, bl-aktar wieħed leali huwa Edwin Vassallo li anki wara li ġie sfiduċjat Delia, baqa’ jitkellem favurih.
Iżda fl-isfond ta’ dan kollu, osservaturi politiċi qalulna li Bernard Grech għażel dawn id-distretti biex jaqta’ saqajn id-deputati ta’ favur Delia.
Fil-fatt jidher ċar aktar minn qatt qabel, li Bernard Grech irid iżomm id-deputati tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fuq wiċċ l-idejn iżda dawk li kienu ma’ Delia jqaċċathom billi ma jtihomx ċans li jerġgħu jkunu eletti.