Hekk kif il-Gvern ressaq l-ewwel qari għal emendi fil-liġi tal-IVF fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech inqabad jiżloq fin-niexef u mhux infurmat dwar dan is-suġġett.
Dan hekk kif fil-Parlament, Grech qal li l-Gvern qed iressaq dawn l-emendi fil-liġi tal-IVF wara deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront ta’ koppja Maltija u qal li aħjar tard milli qatt.
Huwa qal, “Nixtieq niġbed l-attenzjoni u nsaqsi lill-Gvern, jekk kienx biss wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, li waslitu jħabbar riforma f’dan is-settur. Kif jgħid l-Ingliż, better late than never.”
Madankollu kien hawnhekk li l-Ministru Miriam Dalli b’mod skjett ikkoreġiet dak li qal Grech, hekk kif innutat li d-deċiżjoni mill-Qorti Ewropea saret biss fil-jiem li għaddew u staqsiet fejn kien Bernard Grech waqt il-kampanja elettorali.
Hija stqarret, “Illejla ta x’jifhem li aħna qegħdin nitkellmu fuq ir-riformi tal-liġi tal-IVF, għaliex fl-aħħar jiem kien hemm sentenza internazzjonali fuq is-suġġett, imma nixtieq inkun naf fejn kien fil-kampanja elettorali meta din għamilniha bħala proposta ewlenija tal-Partit Laburista. Meta tkellimna fuqha b’konvinżjoni u n-nies jafu li dan li qegħdin nipproponu nwettquh għaliex aħna ngħixu għar-riformi, bħal ma għamilna u ser inkomplu nagħmlu f’ħafna u ħafna setturi.”
Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu b’rabta ma’ dan, anke l-Prim Ministru Robert Abela spjega li dwar din il-materja, Gvern Laburista ma stenniex sentenza mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jimpenja ruħu favur dawn il-liġijiet.
Il-Prim Ministru stqarr, “Fil-fatt aħna biex tkellimna dwar dan is-suġġett ma stennejniex is-sentenza li ngħatat ilbieraħ fil-każ tas-Sinjuri Lia, imma kienet waħda mill-proposti maġġuri fil-manifest elettorali tagħna. Nemmen li dan huwa qasam li wegħdna li se nindirizzawh fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura.”
Intant mal-Ministru Dalli, kompla l-Ministru responsabbli mir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, fejn fakkar kif l-Oppożizzjoni kienet hi li astjeniet dwar dan is-suġġett.
Hawnhekk il-Ministru Camilleri semma kif fil-kampanja elettorali, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ lil min ma jistax ikollu tfal biex jgħinuh ikun fil-Gvern.
Camilleri tenna, “Ftit tal-ħin ilu smajt lill-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk fhimtu tajjeb, nispera li fhimtu tajjeb, qal better late than never li tkellimna fuq l-IVF. U għamilt ftit Google search ta’ malajr għax niftakar l-affarijiet, tkellimt mad-Deputat Prim Ministru, taf min astjena kien Membri tal-Oppożizzjoni meta ġejna quddiem dan il-Parlament u ressaqna bill sabiex ftaħna aktar opportunitajiet lin-nisa, lill-ġenituri sabiex isiru ġenituri.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif huwa f’isem il-Gvern ressaq din il-mozzjoni, li permezz tagħha l-Gvern qed jagħti iżjed opportunitajiet lil dawk li jixtiequ jkunu ġenituri.
Fearne spjega, “Jien Mr Speaker illum stess, ftit tal-minuti ilu għadni kemm ressaqt ġo dan il-Parlament, l-ewwel qari tal-amendi tal-liġi l-ġdida tal-IVF, b’enerġija biex nagħtu aktar opportunitajiet lil aktar nisa jsiru ommijiet, illi aktar irġiel isiru missirijiet, li jkollna aktar familji, li jkollna aktar nanniet”
Dwar dawn l-emendi fil-liġi tal-IVF, il-Partit Laburista wiegħed li jdaħħal fis-seħħ dawn il-liġijiet fl-ewwel mitt jum tiegħu.