Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ngħaqad ma’ tal-għaqda Repubblika barra d-Depot u rringrazzja lil Robert Aquilina u sħabu, f’isem il-poplu Malti kollu.
Il-Ħamis waranofsinhar Bernard Grech żar il-protesta li qed tagħmel l-istess għaqda f’attakk kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Bernard Grech mar quddiem id-daħla tad-Depot fejn ta’ Repubblika ramaw tinda u preżenti kien hemm ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u anki Godfrey Leone Ganado, li jinsulta l-ġurnalisti fuq il-pjattaformi online, waqt li Bernard Grech ikun intervistat fuq it-televiżjoni.
Huwa stqarr: “Jiena nirringrazzjakom ħafna li lqajtuna. Irrid nirringrazzjakom għan-nom tal-poplu Malti li bħala soċjetà ċivili qegħdin tagħmlu l-azzjonijiet li inthom jidrilkom li huwa xieraq.”
F’kummenti li ta, qabeż għal Repubblika u qal li ħadd m’għandu jindaħalilha: “Ħadd m’għandu għalfejn jikkontesta x’inhuma l-istili jew il-modi ta’ kif turu dawn it-tip ta’ protesti tagħkom.”
Min-naħa tiegħu, Robert Aquilina, li jkollu laqgħat anki saħansitra mat-tmexxija Nazzjonalista biex tiġi diskussa strateġija politika, apprezza l-ġest ta’ Bernard Grech li ngħaqad magħhom barra d-Depot: “Napprezzaw ħafna naturalment il-fatt li ġejtu żżuruna hawnhekk fl-impenn tagħna. Grazzi minn qalbi.”
Fost dawk li fl-aħħar jiem ukoll attendew għall-attivitajiet ta’ Repubblika kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg u Ryan Callus.
Dan apparti li fil-Parlament, Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami ħeġġew għall-attività ta’ Repubblika.