Bernard Grech kien kostrett iżomm mar-retorika li tawh u ddettawlu dawk fil-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Wara li mill-ewwel Simon Busuttil beda jitlob sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jirriżenja, il-filjozz tal-establishment Bernard Grech ma setax imur kontra din it-talba minn dawk li ltaqa’ magħhom sa din il-ġimgħa stess.
B’reazzjoni għall-eżitu tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech ħareġ jgħid li f’pajjiżna il-ġustizzja mhux qed taħdem.
Dan għalkemm l-inkjesta rrikonoxxiet ir-riformi li qed isiru.
Riformi li ġew rikonoxxuti wkoll mill-Kummissjoni Ewropea f’rapport dwar il-ġustizzja.
Għalkemm tressqu n-nies quddiem il-gustizzja u saħansitra anki nstabet persuna ħatja b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech kompla jtenni li f’pajjiżna hawn problemi serji fil-ġustizzja.
Qal, “Fil-pajjiż għandna problema serji ta’ ġustizzja.”
Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet huwa tenna l-appoġġ tiegħu lil għaqdiet Repubblika u Occupy Justice immexxija primarjament mill-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil.