Fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista teżisti rabja kbira għall-Kap tal-Partit, Bernard Grech.
Filwaqt li talab u qed ikompli jitlob is-sagrifiċċji mingħand il-ħaddiema tal-Partit, li wħud minnhom saħansitra tneħħew, hu qed jimpjega membri tal-familja tiegħu.
Meta, wara l-ikbar telfa f’elezzjoni ġenerali għall-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kien qed ifittex li jkompli jmexxi l-partit, kien tkellem dwar kemm hemm bżonn li jsiru sagrifiċċji għax is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit mhix tajba.
Fl-istess ħin, madanakollu, kien qed jimpjega membru tal-familja tiegħu bħala full-timer fid-Dar Ċentrali.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil ONE NEWS li dan sar fl-istess ħin li nies f’oqsma oħra, fejn hemm ħafna xogħol, telqu u ma ddaħħal ħadd minflokhom. Grech impjega lin-neputi tiegħu, Philip Grech, biex jaħdem bħala graphic designer. Fil-fatt, in-neputi ta’ Grech iddaħħal jaħdem full-time wara l-elezzjoni ġenerali.
L-istess sorsi qalu li l-problema tagħhom mhux b’dan iż-żagħżugħ, iżda bil-mod kif filwaqt li Bernard Grech donnu m’għandu riżorsi għal ħadd, għal dawk qrib tiegħu għandu żżejjed.
Din hi xi ħaġa li ilha għaddejja minn qabel l-elezzjoni, inkluż bl-għażla tal-istaff u s-suppost strateġisti. Dawk li jaħdmu fit-taqsima tal-aħbarijiet tan-NET dejjem ifakkru kif, fil-mument tal-prova, dawn l-hekk imsejħa strateġisti lkoll kemm huma ħarbu ’l hemm.
“U aħna nintalbu nagħmlu s-sagrifiċċju,” qalu l-istess sorsi.