Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jidher skomdu għall-aħħar jitkellem dwar il-każ ta’ Jason Azzopardi.
Każ li ġie żvelat ftit tal-jiem ilu u li jinvolvi lil Azzopardi jorqod iljieli fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv fl-2017, imħallsa mill-grupp Tumas dak iż-żmien imexxi minn Yorgen Fenech.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Bernard Grech kien mistoqsi minn għadd ta’ ġurnalisti dwar l-aġir ta’ Jason Azzopardi madankollu għamel dak kollu li seta’ biex jaħrab il-mistoqsijiet.
Huwa qal: “Nitkellmu biss fuq il-każ ta’ Jason Azzopardi.”
Sostna wkoll li ma jistax jitkellem fuq dan il-każ hekk kif Jason Azzopardi jinstab taħt investigazzjoni mill-Kummissjoni tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista.
Investigazzjoni finta li bħalha qarraq biha Herman Schiavone is-sena li għaddiet meta sar magħruf li Schiavone ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech wara li kien magħruf li dan in-negozjant huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Grech sostna: “Jien m’iniex qed naħrab mid-domanda. Jien li nixtieqek taprezza huwa li jekk ikun hemm proċess u Kap tal-Partit li taħtu hemm organu li qed jinvestiga dik iċ-ċirkostanza ikun skorett u jkun żleali li jikkummenta dwar dak il-proċess qabel ma dan jiġi konkluż.”
Huwa tenna: “Ejjew ma nkunux faċċoli jekk aħna rridu li dan il-pajjiż ikun aħjar jekk ikollok proċess ma tistax tikkumenta dwaru.”
Hawnhekk Grech ikkontradixxa bil-kbir kliemu hekk kif ftit tal-jiem ilu ma ddejjaq xejn jidħol fil-mertu tal-każ u jfaħħar lil Azzopardi minkejja li kienet diġà bdiet l-investigazzjoni fuqu.
Huwa qal: “Ma rrid lil ħadd illi jintrema’, ma rrid lil ħadd illi jitwarrab. Irridu nifhmu li Dr Jason Azzopardi huwa bniedem u politiku li għandu kwalitajiet kbar ħafna, huwa politiku li għamel ħafna ġid għal pajjiż.”
Meta magħfus fuq l-aġir ta’ Azzopardi, Bernard Grech donnu ġġustifika l-imġiba ta’ Jason Azzopardi għax issa qiegħda fil-passat.
Huwa appella: “Ejjew nitgħallmu mill-passat però ejjew ngħixu fil-preżent u fil-futur.”